F’logħba valida mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018,it-tim nazzjonali Malti tilef bi skor ta’ 2-0 f’Hampden Park kontra l-Iskozja.
Il-Maltin kienu qed jittamaw li jwettqu reazzjoni wara li nhar il-Ġimgħa li għadda tilfu 4-0 f’Ta’ Qali kontra l-Ingilterra. L-Iskozja kienu ġejjin minn rebħa ta’ 3-0 kontra l-Litwanja.
B’dan ir-riżultat issa Malta baqgħet fil-qiegħ ta’ Grupp F mingħajr l-ebda punt filwaqt li b’din ir-rebħa l-Iskozja issa qegħdin fir-raba’ post flimkien mal-iSlovenja.
Ta’ min jiftakar li fil-logħba li ntlagħbet f’Malta sena ilu, l-Iskozja kienu rebħu 5-1, b’Effiong iġib id-draw momentarju, bit-tim Malti jispiċċa l-ewwel taqsima draw.
Fil-logħba tal-bieraħ il-Maltin kienu ftit aħjar minn nhar il-Ġimgħa iżda xorta waħda l-punti baqgħu ma waslux.
L-inklużjoni tal-istess Alfred Effiong kienet l-unika bidla mill-iskwadra mit-telfa kontra l-Ingliżi. L-attakkant li tilef it-telfa ta’ 4-0 kontra l-Ingilterra minħabba li kien sospiż, ħa post id-difensur Ryan Camilleri fl-iskwadra ta’ 20 plejer. Hu beda mal-ewwel 11 filwaqt li Joseph Zerafa rkupra mill-injury li sofra lejn l-aħħar tal-partita tal-Ġimgħa.
L-Iskoċċiżi bdew aggressivi u fl-10 minuta wasal l-ewwel gowl tagħhom. Minn azzjoni ta’ corner għola tajjeb BERRA li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Hogg. Minn hawn ‘il quddiem l-avversarji tagħna ħolqu diversi ċansijiet ta’ skor imma sabu lil Andrew Hogg attent.
Hekk kif bdiet it-tieni taqsima l-Iskozja żiedu ieħor b’gowl ta’ GRIFFITHS li tajjeb wieħed jgħid li kien kemmxejn iffortunat meta l-ewwel ra t-tentattiv tiegħu jaħbat mal-lasta imma l-ballun reġa’ ġie f’siequ u kien pront jitfa’ l-ballun fix-xibka.
L-impenn li jmiss għall-Maltin issa hu fil-5 ta’ Ottubru f’Ta’ Qali kontra l-Litwanja.