Iktar persuni ġew arrestati fil-Marsa, din id-darba minħabba diversi reati fosthom li ma kellhomx fil-pussess tagħhom dokumenti li permezz tagħhom setgħu jiġu identifikati u jkun żgurat li għandhom permess biex ikunu f’pajjiżna.
Dan wara li għal darb’oħra l-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit intbagħtu fil-Marsa, iduru t-toroq u jwaqqfu lin-nies għall-għarrieda u jitolbuhom id-dokumenti biex jidentifikaw ruħhom.
Fi ftit tal-ħin filfatt saru numru ta’ arresti minn madwar 12-il uffiċjal li dehru jduru mat-toroq tal-Marsa u l-madwar.
It-tfittxijiet u rondi mill-uffiċjali tal-Pulizija żdiedu b’mod speċjali fl-aħħar jiem wara li l-komunità tal-Marsa, fuq inizjattiva ta’ wħud mir-residenti, ħabbru mixja ta’ solidarjetà li se ssir il-Ħadd 17 ta’ Settembru.
Din il-mixja għandha l-għan li twassal il-karba tar-residenti għand l-awtoritajiet biex tittieħed azzjoni wara sensiela ta’ inċidenti, vandaliżmu, ġlied u arresti għal ksur ta’ liġi differenti fi żmien qasir.
F’messaġġ ċar dwar kemm din is-sitwazzjoni qed taffettwa lin-nies tal-inħawi, diġa’ kkonfermaw l-attendenza tagħhom il-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom il-Ħamrun, Raħal Ġdid u l-Floriana.
Ir-raids mill-Pulizija qed isiru f’diversi nħawi, fosthom fil-madwar tal-Knisja tat-Trinita Mqaddsa kif ukoll fiż-żona tat-Tiger Bar minn fejn saru wkoll xi rejds, tneħħew persuni li kienu qed ibiegħu numru ta’ oġġetti minn fuq il-bankina u nfirdu wkoll klikek ta’ persuni miġbura hekk kif hu kontra l-liġi li persuni jinġabru fi gruppi kbar mingħajr permess.
//= $special ?>