Iż-żona fil-Floriana minn fejn is-soltu jibdew it-testijiet tal-liċenzji tal-vetturi, matul il-lejl qed tinbidel f’post għat-teħid u l-abbuż tad-droga.
Filmat li ttella’ minn Edmike Attard fuq Facebook, juri numru ta’ kmamar abbandunati li qed jintużaw għat-teħid tad-droga. Kmamar li minnhom infushom huma perikolużi, bi travi kollha sadid, soqfa li waslu biex iċedu u mdawrin minn ħmieġ uman u tal-annimali, dubbien u skart.
Il-filmat beda jixtered b’rata mgħaġla, tant li rawh iżjed minn 25,000 persuna u kellu kważi 200 share fuq Facebook.
Tant hu hekk li l-għada li ttella’ l-filmat, ilbieraħ filgħodu membri tal-Korp tal-Pulizija dehru jduru fl-inħawi jieħdu noti ta’ fejn għad hemm siringi li jridu jitneħħew.
Mill-post indikat fil-filmat, jidher li tneħħew is-siringi, għalkemm għad hemm uħud mixħuta saħansitra anke fuq il-bankina minn fejn jgħaddu n-nies. Siringi saħansitra anke f’centre strip ftit bogħod, qalb il-ħamrija.
Madankollu din hi biss xhieda oħra tal-problema kbira ta’ abbuż ta’ droga li teżisti f’pajjiżna. Fl-aħħar jiem, saħansitra kien hawn rapporti li f’pajjiżna qed jiddaħħlu drogi sintetiċi u perikolużi, fosthom il-flakka, li tbiddel lil dawk li jiħduha b’sura bħal ta’ zombie.
//= $special ?>