L-ewwel lejl ta’ tfajla ta’ 21 sena f’pajjiżna ma tantx spiċċa fuq nota tajba.
Waqt li Anna u ħabibtha mill-Gżejjer Faroe kienu qed jiddevertu fi stabbiliment f’Paceville, raġel li kien fl-istess post laqatha f’għajnejha b’sigarett.
“Konna ħerġin mill-istabbiliment meta raġel, li kellu madwar 50 sena li kien fil-post mat-tfajla tiegħu, xejjer idu bis-sigarett fiha hekk kif konna għaddejjin aħna, u laqatni f’għajnejja,” tirrakkonta Anna.
Tirrakkonta mumenti fejn kienet muġugħa ħafna, iżda wkoll biża’ li tista titlef id-dawl t’għajnejha, tant li qattgħet l-għada fl-isptar għat-testijiet.
“F’dak il-mument ħassejt uġigħ qawwi ħafna. Ħsibt li f’dak il-mument tlift id-dawl t’għajnejja iżda jidher li qed nirkupra u mhux se jkolli konsegwenzi fit-tul. Fortunatament kelli lil ħabibti li għenitni ninżel it-taraġ għall-ambulanza,” tispjega Anna.
Ma’ Net News, Anna tispjega li fil-mument tal-inċident, it-tfajla li kienet qed takkumpanja lir-raġel waqfet biex tassistiha, qabel ir-raġel ġibidha ‘l barra mill-post.
“It-tfajla bdiet tissuġġerixxi li jitfawli l-ilma f’għajnejja iżda r-raġel sempliċiment qabadha minn idejha u telqu ‘l barra. Sempliċiment ħarbu mill-post mingħajr ma offrew li jgħinuni,” tgħid b’dispjaċir it-tfajla.
Dwar dan il-każ infetaħ rapport mal-Pulizija, għalkemm ftit li xejn hemm dettalji li jistgħu jwasslu biex jiġi individwat ir-raġel.
Li hu magħruf dwaru, minn xhieda, hu li r-raġel u t-tfajla li kienet qed takkumpanjawh għandhom madwar 50 sena. Ir-raġel kien liebes flokk abjad, b’xagħru fil-griż u kemmxejn qargħi, waqt li t-tfajla kienet liebsa nuċċali, b’xagħar kannella qasir.
Madankollu jidher li s-sidien tal-istabbiliment ftit li xejn qed jikkoperaw, tant li meta avviċinati mill-Pulizija, pront irrispondewhom li fuq ġewwa tal-istabbiliment m’għandhomx kameras tas-sigurtà.
Filwaqt li tappella għall-informazzjoni, Anna tinsisti fuq il-bżonn li tiġi osservata l-liġi.
“Inkun kunenta ħafna jekk xi ħadd li ra xi ħaġa, jew inkella jaf lir-raġel, javviċinana bl-informazzjoni. Hi xi ħaġa stupida li wieħed ipejjep fuq ġewwa, speċjalment f’postijiet li huma frekwentati ħafna, għaliex inċidenti bħalma ġara lili jistgħu jiġru malajr,” tappella Anna.
Dan hu biss wieħed minn sensiela ta’ każi li jiġru ta’ kuljum f’Paceville u li jixhdu l-bżonn ta’ iżjed regolamentazzjoni u osservanza tal-liġi fiż-żona.
Fl-aħħar jiem żagħżugħ barrani rrapporta li qala’ xebgħa qawwija minn grupp ta’ bouncers li saħansitra kissrulu n-nuċċali u ferewh bid-daqqiet.
//= $special ?>