Il-Prinċep William tal-Ingilterra u martu Katherine rebħu 100,000 ewro f’danni wara li l-ġurnal Franċiż ‘Closer’ kien ippubblika ritratti privati ta’ Katherine, id-Dukessa ta’ Cambridge, f’Settembru tal-2012.
Qorti fi Franza ddeċidiet li r-ritratti li ttieħdu waqt li William u Katherine kienu qed igawdu btajjel fi Provence, abbużaw il-privatezza tal-koppja. Id-Dukessa, li qed tistenna biex twelled għat-tielet darba, dakinar, kienet qed tixxemmex fuq terrazzin u l-avukati tagħha u ta’ żewġha, fl-aħħar xhur, insistew għal danni ‘bil-wisq ogħla milli kienu tħallsu għal każi simili preċedenti’.
L-Imħallef Florence Lasserre-Jeannin li presidiet il-każ immultat lill-editur u s-sid ta’ ‘Closer’, is-somma ta’ 45,000 ewro bħala l-ammont massimu għal każi ta’ dan it-tip.
Minbarra dan, il-koppja rjali se jitħallsu 50,000 ewro kull wieħed f’danni li huma anqas sew mill-1.6 miljun ewro li talbu l-avukati tad-Duka u d-Dukessa ta’ Cambridge.
Kien deċiż ukoll li gazzetta reġonali Franċiża li pubblikat ritratti tad-Dukessa bil-malja għandha tħallas l-ekwivalenti ta’ 3,000 ewro bħala danni.
//= $special ?>

