Hekk kif issa l-kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u Chris Said bħalissa għaddejjin bil-kampanji rispettivi tagħhom, dalgħodu huma ngħaqdu flimkien għal attività b’differenza.
Dan hekk kif fil-Mellieħa, fuq inizjattiva tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, għexieren ta’ persuni, kemm anzjani kif ukoll tfal, attendew għal breakfast san.
Din l-attività saret ftit jiem qabel il-festa tal-Vitorja, fejn dawk preżenti mhux biss kellhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-kandidati, imma wkoll jitgħallmu iżjed dwar stil ta’ ħajja tajba.
Wara li ltaqgħu ma’ dawk preżenti, iż-żewġ kandidati għaddew messaġġi qosra lil dawk preżenti.
Adrian Delia tkellem dwar il-bżonn li tingħata iżjed importanza lill-ħajja sana. “Aħna dak li ngħixu u dak li nieklu,” iddikjara Adrian Delia, li fakkar li pajjiżna qed iħallas prezz għoli ħafna għal problemi relatati ma’ stil ta’ ħajja mhux san.
Min-naħa tiegħu Chris Said tkellem dwar il-valuri tal-Partit Nazzjonalista u qal li dawn hemm bżonn li jinżammu, inkluż l-għeruq Insara li jħaddan il-partit. Dan filwaqt li rrimarka li minkejja din l-elezzjoni, il-partit hu wieħed magħqud.
Il-ħajja sana, kemm b’eżerċizzju fiżiku kif ukoll permezz ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u dietà bilanċjata, hu suġġett li d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar ilu għall-aħħar snin jitkellem dwaru.
Robert Cutajar ikkummenta ma’ Net News li kienet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, b’abbozz ta’ liġi mħejji minnu stess, li tressaq fil-Parlament u ġie approvat mill-Parlament fil-leġiżlatura li għaddiet.
//= $special ?>