Ir-Rappreżentant tal-Istati Uniti għan-Nazzjonijiet Uniti, Nikki Haley, qalet li l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong-un, jinsab għatxan għall-gwerra, meta l-aħħar prova ta’ bomba nukleari minn Pyongyang ‘indikat il-vera intenzjonijiet tiegħu’.
Haley sostniet dan waqt laqgħa ta’ emerġenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York fejn wissiet li l-Istati Uniti mgħandhiex sabar bla limitu, anki jekk ma tridx li tidħol fi gwerra.
Haley qalet li huma biss l-aktar sanzjonijiet b’saħħithom li jistgħu jgħinu biex il-problema tkun solvuta bid-diplomazija. Dan meta l-Istati Uniti qed tħejji biex tgħaddi riżoluzzjoni ġdida fin-NU għal sanzjonijiet aktar ħorox fil-konfront tal-Korea komunista.
Mill-banda l-oħra, il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qal li s-sanzjonijiet kontra l-Korea ta’ Fuq, fiċ-ċirkustanzi, huma ineffettivi waqt li spjega li r-reġim fi Pyongyang żgur mhux se jċedi għall-programm nukleari. Putin wissa wkoll li ‘reazzjoni isterika fuq livell militari tista’ twassal għal katastrofi globali’ u li d-diplomazija hi l-unika tweġiba.
Putin kien qed jitkellem fiċ-Ċina waqt laqgħa għall-grupp tal-Istati ‘Brics’ ( il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Afrika t’Isfel) u, waqt li saħaq li s-sanzjonijiet ma jirnexxux, ma naqasx milli jikkundanna l-aħħar prova ta’ Pyongyang bħala ‘aġir provokattiv’.
Iċ-Ċina, bħala l-akbar alleata ta’ Pyongyang, sejħet biex in-naħat interessati jirritornaw mal-mejda tan-negozjati. Madankollu, il-Ministru għall-Aħbarijiet tal-Korea t’Isfel, Kang Kyung-wha, indikat li ‘Beijing jista’ jkun dispost għal aktar sanzjonijiet kontra l-Korea ta’ Fuq’
Sadanittant, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, appoġġjat il-pożizzjoni tal-Istati Uniti u semmiet il-ħtieġa għal aktar sanzjonijiet fil-konfront tal-abbużi sfaċċati tal-konvenzjonijiet internazzjonali min-naħa ta’ Pyongyang.
Fi żviluppi oħra, il-qawwiet tal-baħar tal-Korea t’Isfel organizzaw sensiela ta’ eżerċizzji bl-isparar fuq il-baħar, bl-awtoritajiet tal-pajjiż iwiegħdu li lesti biex iwieġbu immedjatament fuq livell militari f’każ ta’ aktar provokazzjonijiet minn Pyongyang.
L-eżerċizzji segwew eżerċizzji oħra bil-missili li saru nhar it-Tnejn, bl-awtoritajiet f’Seoul jikkonfermaw li għandhom isiru aktar eżerċizzji ‘live fire’ matul ix-xahar.
//= $special ?>


