Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li jeħtieġ li l-politiċi jifhmu li huma mhux dejjem għandhom raġun u li t-triq tagħhom mhux neċessarjament hija t-triq t-tajba. Adrian Delia qal li huwa inutli li wara 4 telfiet elettorali kbar, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li t-triq li konna għaddejjin fiha fl-aħħar snin hi it-triq t-tajba. Minkejja li dejjem segwejna t-triq tas-sewwa, huwa l-mod li bih ikkommunikajna li ma wasalx man-nies.
Adrian Delia qal li hu mhux se jkun qed jwebbes rasu u joffri l-istess mod ta’ tmexxija, u huwa propju għalhekk li hu qed joffri Mod Ġdid ta’ tmexxija. Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan il-mod ġdid ta’ tmexxija li qed joffri ma jfissirx li nabbandunaw il-prinċipji u l-valuri li jsawruna. Ma jfissirx lanqas, qal Adrian Delia, li kull min ħadem fil-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin issa jrid jieqaf, anzi wasal iż-żmien li kulħadd jingħata spazju biex jahdem fil-PN, ghax dan se jerga’ jsir il-partit ta’ kulħadd.
Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Mod Ġdid ta’ tmexxija tiegħu huwa mnebbaħ minn dak li jridu n-nies, li wrewna għar-raba’ darba konsekuttiva, f’Ġunju li għadda, li t-triq li konna għaddejjin fuqha fl-aħħar snin, u li hemm min jrid jibqa’ għaddej fuqha fis-snin li ġejjin, jeħtieġ li nbiddluha. In-nies iriduna nibqgħu niġġieldu l-korruzzjoni fil-gvern ta’ Muscat, iżda mhux biss. Iriduna niġġieldu wkoll għal ħobza ta’ kuljum tagħhom biex ma jibqgħux igawdu biss il-ftit tal-klikka. Iriduna niġġieldu kontra t-transfers vendikattivi.
Jien miniex rasi iebsa. Jien nisma’ minn nies, u għalhekk qed noffri dan il-mod ġdid ta’ tmexxija, qal Adrian Delia. Il-Kandidat għal-Kap tal-Partit Nazzjonlista Adrian Delia qal li ħadd m’għandu d-dritt divin li dejjem ikollu raġun u jippretendi li l-partitarji jsegwuh fl-għama. It-tesserati fis-16 ta’ Settembru għandhom għażla jew li nibqgħu għaddejjin fit-triq li qbadna għax naħsbu li aħna biss tajjeb, jew nagħżlu mod ġdid, frisk u innovattiv ta’ tmexxija. Adrian Delia qal li din il-wegħda ta’ mod ġdid u tiġdid se jkun qed jwettaqha b’rispett sħiħ lejn l-istorja u l-kisbiet tal-Partit.
Adrian Delia qal li kieku hu jaħseb li ma kien hemm xejn tajjeb fil-Partit Nazzjonalista, ma kienx joffri li jmexxi dan il-Partit. Adrian Delia tenna li hu mhux qed joffri li jiżvojta Partit, iżda jibni fuq it-tajjeb u fl-istess waqt jagħti injezzjoni ta’ enerġija gdida, b’rispett sħiħ lejn il-Prinċipji stabbiliti tal-Partit. Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jaf li dan ma jistax jagħmlu waħdu, u għalhekk jeħtieġ li kull min tassew għandu għal qalbu l-Partit Nazzjonalista u jifhem li ħadd mhu akbar mil-Partit, jingħaqad wara li jiġi elett Kap ġdid, biex naffrontaw l-isfidi ewlenin tagħna bħala Partit, li jinsabu wara il-bieb.
Il-Kandidat għal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħeġġeġ lit-tesserati biex nhar is-Sibt 16 ta’ Settembru, meta issir l-aħħar fażi tal-elezzjoni għal Kap tal-Partit jagħżlu tmexxija b’mod ġdid, kif għamlu l-akbar ammont ta Kunsilliera fit-2 ta Settembru.
Fakkar kif fi żmien ħames snin oħra meta tkun qed issir l-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-Gvern Laburista wara 10 snin fil-Gvern se jkun Gvern tal-passat. Aħna irridu nkunu l-futur. Qal li iżda jekk se nibqgħu għaddejjin fit-triq tal-aħħar snin, il-Partit Laburista se jibqa’ jkun ġdid dejjem aktar minna.
Fi żmien ħames snin l-elettorat se jkun irid bidla għal dan il-Gvern. Aħna nistgħu nkunu l-alternattiva għal dan u nkunu din il-bidla, mhux billi ngħaddsu rasna u nibqgħu mixjin fl-istess triq, iżda billi nwettqu mod ġdid ta’ tmexxija. Dak li qiegħed noffri jien, temm jgħid Adrian Delia.
//= $special ?>