Elezzjoni Kap PN Lokali

Fl-ewwel jum jinġabru 2,225 vot mit-tesserati

Beda l-proċess li fih it-tesserati tal-PN qed jiġbru l-vot biex jivvutaw fl-elezzjoni għal Kap tal-PN bejn il-kandidati Adrian Delia u Chris Said.

Id-dokumenti tal-voti qed jinġabru mid-Dar Ċentrali tal-PN fi proċess immexxi mill-Kummissjoni Elettorali tal-PN.

Fl-ewwel ġurnata li fiha t-tesserati qed jiġbru d-dokument tal-vot, kienu mijiet ta’ tesserati tal-PN li ġabru l-vot; indikazzjoni qawwija tal-parteċipazzjoni tat-tesserati tal-PN f’dan il-proċess.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Rosette Thake ikkonfermat li f’din l-ewwel ġurnata inġabru 2,225 vot mit-tesserati tal-PN.

Permezz ta’ dan il-proċess il-PN se jkun l-ewwel u l-uniku partit politiku f’Malta li fih il-Kap ikun magħżul minn fost it-tesserati.

Din is-sistema kienet introdotta fl-aħħar snin għaliex qabel il-Kap tal-PN kien dejjem ikun magħżul minn fost il-kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali tal-PN.

It-tesserati se jkunu jistgħu jiġbru l-vot sal-Ħamis 14 ta’ Settembru 2017 mid-9 am sas-6 pm.

F’Għawdex id-dokument tal-vot jista’ jinġabar mill-Każin Nazzjonalista f’Ta’ Sannat fis-6 u s-7 ta’ Settembru bejn l-10 am u t-8 pm. It-tesserati jridu jippreżentaw id-dokument tal-vot u l-karta tal-identità biex ikunu jistgħu jivvutaw.

Filwaqt li fl-ewwel fażi tal-votazzjoni mill-kunsill ġenerali vvutaw 1,354 kunsillier tal-PN, fit-tieni fażi tat-tesserati se jivvutaw, madwar 22,000 tesserat.

It-tieni fażi tal-votazzjoni ssir fis-16 ta’ Settembru 2017 bl-għadd tal-voti jsir Fuq il-Fosos tal-Floriana meta tkun qed titlaqqa’ l-Konvenzjoni tal-PN.

Minħabba li ż-żewġ kandidati – Adrian Delia u Chris Said – iddikjaraw li huma se jkomplu għat-tieni fażi tal-elezzjoni, il-Kap tal-PN se jkun dak il-kandidat li jġib il-maġġoranza tal-voti f’din il-fażi. Fil-każ li wieħed mill-kandidati jirtira mill-elezzjoni, il-kandidat li jibqa’ jkun irid iġib 66% tal-voti eliġibbli biex ikun elett kap tal-PN.