Internazzjonali

 L-Italja: Tħassib dwar  il-mewta ‘rari’ ta’ tifla mill-malarja

It-tobba fl-Italja qed jitrattaw il-mewt ta’ tifla ta’ erba’ snin b’kaġun tal-malarja bħala każ misterjuż għall-aħħar.

It-tifla, Sofia Zago, mietet fi Brescia matul il-lejl tal-Ħadd wara li hi kienet iddaħħlet l-isptar b’deni għoli.

Jingħad li hi tilfet ħajjitha ‘mill-effetti tal-malarja f’moħħha’ u meta l-Italja mgħandhiex problema bin-nemus, tal-ispeċi Anopheles, li jġorru dak it-tip partikulari tal-malarja li hu wkoll l-aktar tip qattiel ta’ dik il-marda fid-demm.

Sadattant, mhux eskluż li, wara s-sħana kbira li kkaratterizzat ix-xahar ta’ Awwissu, in-nemus Anopheles issa seta’ feġġ ukoll fl-Italja.

Iċ-ċkejkna Sofia, fl-aħħar jiem, kienet qattgħet btajjel ma’ familtha fir-resort ta’ Bibione, qrib ta’ Venezja, fir-reġjun tal-Adrijatiku.

Sadattant, it-tabib Claudio Paternoster, speċjalista dwar il-mard li jittieħed, fl-Isptar ta’ Santa Chiara, fi Trento, qal li din hi l-ewwel darba fil-karriera tiegħu li segwa każ tal-malarja li oriġina fi Trentino.

L-Italja ilha mis-snin ħamsin ma jkollha problema bil-malarja u l-inħawi ta’ Trento – fejn kienet analizzata l-marda tat-tifla – jinsabu fin-naħat t’isfel tal-Alpi.

Hemm l-ispekulazzjoni li Sofia setgħet qabditha l-malarja mingħand xi ħadd minn żewġt itfal li kienu trattati għal dik il-marda fl-isptar ta’ Trento, wara l-15 ta’ Awwissu. Dawn it-tfal kienu infettati mill-marda fl-Afrika, iżda huma rkupraw minnha.

Sofia kienet ingħatat it-trattament fl-isptar għal forma ta’ dijabete, bl-uffiċjali tas-saħħa fi Trentino jsostnu li hi ma kenitx fl-istess sala maż-żewġt itfal l-oħra. Ingħad ukoll li Sofia ma ngħatatx trasfużjoni tad-demm, bit-tobba jinsistu li t-trattamenti għall-malarja u d-dijabete huma ‘għalkollox differenti minn xulxin’.

Il-mikrobu li jġorru n-nemus tal-ispeċi Anopheles jista’ joqtol bniedem infettat f’perjodu ta’ 24 siegħa.

Dan meta madwar 438,000 persuna mietu bil-malarja, fl-2015, fid-95 pajjiż tropikali fejn il-marda hi endemika.