Ma rridx partit li, meta jiġi biex jiddibatti ma’ Muscat u Chris Cardona, joqgħod lura milli jkun iebes magħhom minħabba li jibża’ li jafu xi ħaġa dwaru.
Wara żewġ telfiet elettorali, bilfors trid iġġedded. Min ma jiġġeddidx jistaġna. Mhux l-inqas il-Partit Nazzjonalista. Din il-ħtieġa nifimha u nemmen fiha. Iżda t-triq ‘il ġdida, li tagħtina nifs ġdid, ma tistax tkun qabża fid-dlam. Trid tkun magħżula b’għaqal, inkella mhux talli ma niġġeddux, iżda nikkrollaw. L-għażla tiegħi hi t-triq tas-sewwa, the right way.
Il-partit tagħna jinsab f’salib it-toroq. Irid jagħżel liema triq se jieħu. Minn naħa tiegħi qed inkun car, jien irrid nagħti nifs ġdid lill-partit tagħna iżda dan irrid nagħmlu billi nkunu leali għall-identita’ tagħna, l-identita’ li tagħmel lill-Partit Nazzjonalista differenti mill-Labour – speċjalment mill-Labour ta’ Muscat, Chris Cardona u Konrad Mizzi.
Meta ngħid li ma rridx li l-partit tagħna jsir fotokopja tal-Labour qed inkun ċar:
Ma rridx partit li jidħol kompliċi mal-Labour, billi jkun sieket quddiem il-korruzzjoni;
Ma rridx partit li, meta jigi biex jiddibatti ma’ Muscat u Chris Cardona, joqgħod lura milli jkun iebes magħhom minħabba li jibża’ li jafu xi ħaġa dwaru;
Ma rridx partit li jibża’ jikkritika lill-Labour għax fih stess ikun hemm in-nuqqas ta’ serjeta’;
Ma rridx partit li, minflok jissettja l-aġenda tal-pajjiż, jagħmel ħames snin jiddefendi lilu nnifsu mill-allegazzjonijiet li jsiru fil-konfront tiegħu;
Jekk il-Partit Nazzjonalista jkun skomdu jikkritika l-gvern ta’ Muscat, allura Muscat se jgħaddi romblu minn fuq in-nies, mhux l-inqas minn fuq in-nazzjonalisti. Dan jien ma nista’ nippermettih qatt.
L-integrita’ tiegħi fil-politika tagħmilli ħajti faċli f’dan ir-rigward. Ilni għaxar snin fil-Parlament u f’dawn is-snin il-Labour fittxew kollox dwari imma la sabu u lanqas se jsibu xejn. Għax jien dejjem fittixt it-triq tal-integrita’ u s-sewwa. Meta kien se jkun hemm każ kontra tiegħi, rriżenjajt biex ma nhammigx il-partit u l-gvern. Anke jekk dak iz-zmien, il-Kap tal-partit kien qalli li ma kellhix għalxiex nirriżenja. Imbagħad ħriġt ħieles minn kull akkuza, u l-Prim Ministru ħatarni Ministru.
Bl-integrita’ mmur b’wiċċi minn quddiem biex naffronta l-Labour ta’ Muscat kull fejn hemm bżonn.
Għalhekk li l-Labour ma jridnix bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, għax jaf li miegħi mhux se jsib partit ikkundizzjonat, imbeżża’ jew b’ingwanti tal-ħarir.
Għalhekk nistedinkom tingħaqdu miegħi f’dan il-vjaġġ. Wara s-Sibt li għadda, l-appoġġ żdied għal vjaġġ ġdid fit-triq tas-sewwa. Inthom it-tesserati tridu partit imġedded, tridu nifs ġdid iżda tridu li t-triq li nagħżlu tkun it-triq tas-sewwa, the right way.
Is-Sibt li għadda għaddejt mill-ewwel test, iżda ma kontx ewforiku. L-elezzjoni għadha miftuħa u l-ikbar test se jkun fis-16 ta’ Settembru.
Fiduċjuż li inthom se tifhmu r-responsabbilta’ qawwija li għandkom. Dan il-partit ma jistax jagħmel qabża’ fid-dlam. Jekk nimxu, flimkien, fit-triq tas-sewwa niġġeddu, nissaħħu u nirbħu.
//= $special ?>