Il-militar tas-Sirja rnexxielu jwaqqaf l-assedju tal-ISIS fuq il-belt ta’ Deir al-Zour, u wara li din il-belt ( lejn il-Lvant tas-Sirja) kienet ilha x-xhur imdawwra mill-ġellieda tal-moviment terroristiku.
L-aħħar rapporti qalu li truppi u milizzji alleati kienu laħqu l-bażi ta’ Brigata tal-Armata Sirjana li tinsab fil-limiti ta’ Deir al-Zour. Ingħad ukoll li ‘kienu qed jaħarbu numru kbir ta’ militanti mill-inħawi’.
Intant, hu kkalkulat li madwar 93,000 ċivili ilhom mill-2015 iżolati f’zona speċifika max-xatt tax-Xmara Euphrates, lejn il-Punent.Dan meta l-provinċja madwar Deir al-Zour hi l-aħħar fortizza ewlenija tal-ISIS fis-Sirja.
Rapporti oħra qalu li l-frejgata ‘Admiral Essen’ tal-qawwiet navali tar-Russja, sparat il-missili cruise lejn l-ISIS fl-inħawi ta’ Deir al-Zour. L-isparatura mill-Mediterran (b’appoġġ għall-offensiva mill-art fuq l-ISIS) ikkonċentrat fuq il-pożizzjonijiet ta’ kmand u komunikazzjoni tat-terroristi flimkien ma’ faċilitajiet oħra. Ir-rapporti sostnew li ‘dawk il-faċilitajiet inqerdu flimkien ma’ grupp kbir ta’ militanti fl-inħawi’.
//= $special ?>


