Żdiedu l-ammonti tar-refuġjati tal-minoranza etnika Musulmana bl-isem Rohingya li qegħdin jaqsmu minn Myanmar lejn Bangladesh. Dan qalitu n-Nazzjonijiet Uniti meta f’24 siegħa biss xi 35,000 refuġjati ‘ġodda’ laħqu qasmu l-fruntiera lejn l-artijiet tal-ġar.
L-indikazzjonijiet huma li ’il fuq minn 123,000 membru tal-komunità tar-Rohingya ħarbu mill-vjolenza fl-Istat ta’ Rakhine, fi Myanmar, mill-25 ta’ Awwissu sal-lum.
Il-konflitt qam wara li militanti tar-Rohingya attakkaw pożizzjonijiet tal-pulizija, bl-awtoritajiet fi Myanmar iwettqu kontro-offensiva militari li wasslet għal eżodu kbir ta’ ċivili tar-Rohingya mill-villaġġi tagħhom.
Il-minoranza tar-Rohingya, li m’għandhiex Stat, ilha tbati l-persekuzzjoni fi Myanmar, bin-NU tirreferi għar-Rohingya bħala l-aktar poplu persegwitat fid-dinja.
Filwaqt li r-restrizzjonijiet għall-aċċess lejn Myanmar jagħmluha diffiċli biex wieħed jivverifika s-sitwazzjoni minn sorsi indipendenti hu minnu li, fl-aħħar jiem, ma waqfitx il-mewġa ta’ familji tar-Rohingya li qasmu lejn Bangladesh. Dan fost rapporti li ‘splodew in-numri tar-refuġjati ġodda (f’Bangladesh) li huma fi ħtieġa urġenti ta’ għajnuna u sostenn.’
Numru ta’ pajjiżi, fosthom l-Indoneżja, il-Pakistan u l-Malasja, huma mħassbin ħafna dwar ir-Rohingya, fost appelli biex ‘jieqfu l-forom kollha ta’ vjolenza’ fi Myanmar.
Il-Mexxejja ċivili ta’ Myanmar, Aung San Suu Kyi, li snin ilu rebħet Nobel għall-Paċi bħala attivista favur id-demokrazija, ma laħqitx ikkummentat dwar l-aħħar vjolenza f’pajjiżha. Filwaqt li Suu Kyi tinsab taħt pressjoni kbira biex tikkundanna l-kampanja mill-Armata ta’ Myanmar, hi qed tiffaċċja militar b’saħħtu, waqt li l-poplu ta’ Myanmar, fil-parti kbira, hu ostili għar-Rohingya.
Sadattant, il-Migrant Offshore Aid Station (MOAS) – organizzazzjoni li salvat ’il fuq minn 40,000 persuna fil-Mediterran – qed tittrasferixxi l-operat minn Malta lejn l-Asja biex tgħin lill-minoranza tar-Rohingya. Id-deċiżjoni għar-rilokazzjoni tal-MOAS ittieħdet wara li n-NU rriferiet għall-eluf kbar tar-Rohingya li ħarbu lejn Bangladesh.
Il-MOAS iddeċidiet ukoll biex tistazzjona mill-ġdid il-bastiment tagħha, bl-isem ‘Phoenix’, f’zona ta’ baħar speċifiku, bi tħejjija għall-missjoni ta’ fejda li jmiss. Mistenni li jgħaddu tliet ġimgħat sakemm dan il-bastiment jasal fil-Bajja ta’ Bengal.
//= $special ?>

