Lokali

It-tmexxija tal-Ażerbajġan ħallset politiċi Ewropej b’kumpaniji reġistrati fl-Ingilterra

Il-Kap tal-Partit Nazjzonalista Simon Busuttil fi tweet staqsa jekk kienx hemm politiċi fit-tmexxija ta' pajjiżna li gawdew minn dawn il-fondi

It-tmexxija tal-Gvern tal-Ażerbajġan ħadmet fond ta’ 2.8 biljun dollaru fuq medda ta’ sentejn biex tħallas politiċi Ewropej u tixtri oġġetti u propjetajiet lussużi.

Dan ħareġ minn investigazzjoni li qed issir minn konsorzju ta’ ġurnali Ewropej.

Dawn il-flus ingħaddew minn erba’ kumpaniji differenti reġistrati fir-Renju Unit. Fost il-politiċi li tħallsu mill-Gvern tal-Ażerbajġan hemm politiċi li wrew attitudni favur it-tmexxija tal-pajjiż.

Minkejja li ma hemmx provi ċari tal-oriġini minn fejn ġew il-flus, hemm evidenza li turi li hemm rabta mal-Familja tal-President Ilham Aliyev. Għal din l-aħbar ma kien hemm l-ebda reazzjoni mill-Gvern tal-Ażerbajġan.

Fl-istess żmien li kienet għaddejja din l-iskema ta’ ħlasijiet, l-eks pajjiż sovjetiku kien akkużat b’korruzzjoni sistematika, tbagħbis u abbużi fil-voti kif ukoll l-arrest ta’ persuni li kienu joffru oppożizzjoni lill-Gvern fosthom politiċi, ġurnalisti u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem.

B’rabta ma din l-aħbar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fi tweet staqsa jekk kienx hemm politiċi fit-tmexxija ta’ pajjiżna li gawdew minn dawn il-fondi.