Knisja Kultura Lokali

Artal mejda ġdid għall-Knisja ‘Ta’ Ġieżu’, ir-Rabat

Is-saqaf temporanju mistenni jitlesta fil-jiem li ġejjin

Artal mejda ġdid mistenni jitqiegħed fil-Knisja Franġiskana ta’ Santa Marija ‘Ta’ Ġieżu’ fir-Rabat sa Diċembru li ġej sabiex jieħu post l-artal mejda li ntradam meta sfronda s-saqaf ta’ fuq l-artal maġġur tal-istess knisja ġimgħatejn ilu.

Il-Patrijiet Franġiskani Minuri qalu li dan l-artal se jkun replika tal-artal l-antik filwaqt li l-irħam tal-art tal-artal mistenni jitqiegħed f’Jannar.

Hekk kif jiġi msaqqaf temporanjament is-saqaf ta’ fuq il-maġġur sabiex il-Knisja terġa’ tiftaħ għall-quddies, proċess li għandu jitlesta fil-jiem li ġejjin, immedjatament wara se jibda proċess ta’ tfarfir tal-Knisja kollha biex apparti titnaddaf il-Knisja, tiġi mħarsa l-induratura tal-maqdes ukoll. Il-pjan tal-Provinċja Franġiskana Minuri huwa li tinbena koppla f’każ li studju fuq jekk l-istruttura tal-Knisja tiflaħx din il-koppla jirriżulta fl-affermattiv.

Il-komunità Franġiskana Minuri fir-Rabat irringrazzjat lill-bosta ditti privati u individwi li tant kienu ġenerużi magħhom u reġgħet appellat għal iktar donazzjonijiet. Min jixtieq jgħin bid-donazzjoni tiegħu jista jagħmel dan permezz tal-kont IBAN – BOV A/C MT43VALL22013000000040020868884 – Franciscan St. Mary of Jesus A/C, jew billi jibgħat ċekk fuq Patrijiet Franġiskani, Triq San Pawl, Rabat.