Lokali

Din hi l-Ewropa li rridu: b’saħħitha quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni – PN

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-konfront tal-Ungerija u l-Islovakkja dwar it-trasferiment ta’ immigranti mill-Italja u l-Greċja. Din hi deċiżjoni li hi fil-pass it-tajjeb: s-solidarjetà m’għandiex tkun f’direzzjoni waħda biss, iżda għandhom ikunu l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li jindirizzaw din l-isfida flimkien.

Malta, bħala pajjiż fil-Mediterran, tesperjenza l-isfidi li ġġib magħha l-immigrazzjoni b’mod dirett. Dan jgħodd ukoll b’mod partikolari għall-pajjiżi viċin tagħna bħall-Italja u l-Greċja. Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jimxu fuq il-passi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex jassiguraw li din l-isfida tiġi indirizzata b’solidarjetà mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jaħdem biex is-solidarjetà tiġi aċċettata u li din id-deċiżjoni, fl-aħħar, tagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista u lil Malta. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jistinka u jaħdem qatiegħ biex jassigura li l-Unjoni Ewropea ma tfarfarx il-problema tal-immigrazzjoni taħt it-tapit, iżda tindirizzaha bis-serjetà.