Lokali

Laqgħa pubblika mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kontra żvilupp esaġerat fiċ-ċentru tar-raħal

L-iżvilupp jinkludi aktar minn 80 post residenzjali, sheltered residential units, u diversi faċilitajiet oħra.
Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jkun qed jorganizza Laqgħa Pubblika kontra żvilupp esaġerat f’art li tinsab fis-Siġġiewi u li tikkonfina ma’ Triq it-Tabib Nikol Zammit, Triq l-Imdina u Triq Dun Manwel Zammit.

Din il-laqgħa se ssir nhar il-Erbgħa 13 ta’ Settembru 2017, fis-6 pm fi Triq Dun Manwel Zammit u hija miftuħa għall-pubbliku kollu inkluż il-media. Fl-aħħar ġimgħat, il-Kunsill Lokali għamel diversi appelli lill-awtoritajiet biex jilqgħu listedina sabiex jinfetaħ proċess ta’ djalogu mal-komunità tas-Siġġiewi fuq l-użu ta’ din l-art.

Il-Kunsill Lokali beda wkoll petizzjoni li titlob lill-awtoritajiet biex minflok żvilupp esaġerat jagħmlu proġett sostenibbli, fejn jitnaqqsu r-residenzi, isiru aktar faċilitajiet għall-komunità u jkun hemm spazju pubbliku għar-rikreazzjoni tal-familji Siġġiwin. Il-Kunsill Lokali dejjem kien konsistenti fil-pożizzjoni tiegħu.

Il-Kunsill Lokali mhux kontra proġetti bi skop soċjali iżda qed joġġezzjona għal dan l-iżvilupp massiv minħabba d-densità tiegħu u l-isfidi li se joħloq f’żona ċentrali fis-Siġġiewi. L-iżvilupp jinkludi aktar minn 80 post residenzjali, sheltered housing units u diversi faċilitajiet oħra. Barra minn hekk, dan l-iżvilupp kbir f’żona ċentrali fis-Siġġiewi se jikkawża diversi sfidi fosthom sfidi marbuta mal-ippjannar, ambjent, parkeġġ, traffiku, infrastruttura u ndafa, fost oħrajn.

Il-Kunsill Lokali u residenti fl-inħawi dejjem ressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom għal dan lproġett li l-permess għalih (PA/06450/06) inħareġ mill-Awtorità tal-Ippjannar fl-2013. Fil-11 ta’ Settembru li ġej mistenni jkun hemm deċiżjoni oħra mill-Awtorità tal-Ippjannar li minflok tnaqqas l-iżvilupp iżżid r-residenzi u tnaqqas il-parkeġġ.

“Dan juri li l-awtoritajiet minflok qed iħarsu lejn l-proġett u l-impatt tiegħu b’mod ħolistiku, qed jibqgħu iwebbsu rashom li jagħmlu żvilupp li se jkollu impatt negattiv fuq żona ċentrali fis-Siġġiewi u fuq r-residenti,” sostniet is-Sindku tas-Siġġiewi Alessia Psaila Zammit. Is-Sindku qalet li l-Laqgha Pubblika se ssir wara konsultazzjoni