Lokali Qorti

Miċħuda mill-ġdid il-libertà proviżorja għall-irġiel akkużati li ppruvaw jaħarqu mara ħajja

Iben il-vittma għadu jingħata l-għajnuna għat-trawma ta' dakinhar

Alvin Pullicino u Gavin Spagnol, żewġ kuġini ta’ 26 sena u 21 sena rispettivament, li huma akkużati li ppruvaw jaħarqu ħajja mara barra r-residenza tagħha f’Ħaż-Żabbar, inżammu taħt arrest minkejja t-talba ġdida li għamlu għal-libertà proviżorja.

Pullicino qed ikun akkużat li wettaq l-attentat, filwaqt li Spagnol qed ikun akkużat li kien kompliċi fir-reat ta’ kuġinuh, li pprova jaħraq lil Michelle Camilleri ħajja quddiem binha. Il-vittma tiġi oħt l-eks sieħba ta’ Pullicino.

Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, irriżulta li kollox beda minn argumenti familjari, li eventwalment eskalaw sal-attentat, li seħħ fit-12 ta’ Lulju li għadda. Dan kollu wassal biex iben il-vittma, li għandu 10 snin, għadu qed jingħata l-għajnuna ta’ ‘counselling’ wara t-trawma li għex dakinhar.

Dan meta, kompliet tisma’ l-Qorti, it-tifel kien bilqegħda ħdejn ommu fil-karozza meta ra lil Pullicino joqrob lejn il-karozza, ibattal ‘jerrycan’ bil-petrol fuq il-vettura u jxarrab lill-vittma wkoll bil-likwidu. Irriżulta wkoll li t-tifel ġieli staqsa jekk l-aggressuri hux se jerġgħu jmorru għalih u għal ommu.

Il-każ se jkompli x-xahar id-dieħel, bl-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru f’isem Gavin Spagnol, l-Avukat Arthur Azzopardi qed jidher f’isem Alvin Pullicino, filwaqt li l-Avukat Veronique Dalli qed tidher bħala ‘parte civile’ f’isem il-vittma.