Elezzjoni Kap PN Lokali

“Irrid partit imġedded fis-sod” – Chris Said

Irrid Partit Nazzjonalista fuq quddiem nett tal-aġġornament, it-tiġdid politiku msejjes fuq is-sisien li fuqhom hi mibnija Malta. Irrid partit modern, organizzat, effettiv u preparat. Irrid Partit li hu għodda ġenwina f’idejn il-poplu għas-servizz tiegħu. Partit li jirnexxilu jaħdem u jikseb il-fiduċja u l-kredibilità tan-nies ta’ kull fehma, ġejjin minn fejn ġejjin. Partit li anke jekk ma taqbilx miegħu tirrispetta l-missjoni politika tiegħu fil-pajjiż u ma tiddejjaqx tiddjaloga miegħu, sostna l-kandidat għal Kap tal-PN Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet Birkirkara l-Erbgħa filgħodu.

Bħala politiku, skop wieħed biss għandi – li nkun ta’ servizz u għajnuna għal kull Malti uMaltija, huma x’inhuma l-fehmiet u t-twemmin tagħhom. Minn issa nwiegħed li jien irrid naħdem ma’ kulħadd, anke ma’ dawk li xtaqu kandidat ieħor isir Kap. Niggarantixxi spazju għal kull min irid jaħdem u nassigura li kulħadd joffri u jagħti l-intelliġenza, it-talenti u l-ħidma tiegħu favur it-twettiq tal-istrateġija u l-politika tal-Partit, sostna Chris Said

Irridu nimxu triq twila u għat-telgħa. Irridu norganizaw il-partit minn isfel nett, it-tesserati u l-Kumitati, saff saff ‘l fuq, b’mod fejn kulħadd iħossu msieħeb u mhux imwarrab. Nieħdu aħna l-inizjattiva biex niltaqgħu ma’ kulħadd – nisimgħu, niddjalogaw, nifhmu, infiehmu, kull fejn ikun ta’ ġid nappoġġjaw u nissieħbu fl-inizjattivi kif xieraq. Partit ma jistax ikollu sitwazzjoni fejn minflok jistabbilixxi l-agenda joqgħod jiddefendi ruħu kontinwament, saħaq il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Min irid partit bħal ta’ Muscat, jista’ jmur ma’ Muscat. Bħala Kap minix lest narmi l-identità tal-partit tagħna. Bija bħala Kap il-Partit Nazzjonalista ma jsirx Labour Mark II, qal Chris Said.

F’Birkirkara Chris Said sellem lil Eddie Fenech Adami. Qal qal li Eddie Fenech Adami ma rebaħx għax intelaq mal-kurrent u sar bhal Mintoff. Fenech Adami rebaħ għax ikkonvinċa u għax bena l-politika tiegħu fuq dak li huwa sewwa u ġust. Min irid ixebbaħ lilu nnifsu ma’ Fenech Adami jrid jimxi bl-eżempju. Bħal Fenech Adami la hawn u lanqas ikun hawn. Iżda l-valuri li ġab Fenech Adami fil-partit ma kinux il-valuri li biex tirbaħ trid tbiegħ ruħek. Fenech Adami qatt ma kellu mqar dell ta’ mġiba jew prattika mhux xierqa fuq rasu, sostna Chris Said

Irridu niġġeddu – imma b’mod tajjeb. B’mod integru. B’mod sod. Għalhekk The Right Way, temm jgħid il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.