Lokali

It-taħriġ u l-iżvilupp tal-għalliema huma priorità

L-Ewroparlamentari tal-PN Francis Zammit Dimech enfażizza l-importanza tat-taħriġ u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema fil-livelli kollha speċjalment mil-metodi ġodda ta’ komunikazzjoni.

Meta kien qed jitkellem fl-ewwel laqgħa tiegħu fil-CULT fil-parlament Ewropew, Francis Zammit Dimech laqa’ l-inizjattivi li qed tieħu l-Università ta’ Malta biex tipprovdi t-taħriġ lill-akkademiċi biex jieħdu l-opportunitajiet fil-komunikazzjoni. Il-CULT hu l-kumitat responsabbli mill-kultura, edukazzjoni, media, żgħażagħ u sport.

Zammit Dimech qal l-immodernizzar tal-edukazzjoni tista’ tirnexxi biss jekk il-partijiet involuti kollha jkunu parteċipi fil-proċess. Hu sostna li d-djalogu hu meħtieġ biex ikun assigruat li l-proċess ma jġibx miegħu burokrazija u riformi negattivi fuq l-għalliema.

L-MEP Zammit Dimech sostna li l-edukazzjoni għandha tkun iktar attraenti għall-istudenti biex dawn ikunu iktar motivati waqt li ssir iktar interessanti biex tkun esperjenza interattiva.

Fil-bidu tal-laqgħa Zammit Dimech kien milqugħ mill-President tal-Kumitat Petra Kammerevert. Zammit Dimech qal li jħares ‘il quddiem li jaħdem fi ħdan il-kumitat. Francis Zammit Dimech se jkun dikjarat uffiċjalment deputat parlamentari Ewropew it-Tnejn 11 ta’ Settembru fis-sessjoni plenarja li se ssir fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.