Internazzjonali

Wara ‘Harvey’ issa jmiss l-Uragan Irma

Ritratt bis-satellita tal-Uragan Irma maħruġ min-National Oceanic and Atmospheric Administration (NOAA).
Tbassir għall-ħamest ijiem li ġejjin maħruġ mill-US National Hurricane Center( NHC).
Ritratt maħruġ min-NASA tal-Uragan Irma.
Fil-Karibbew kif ukoll fl-Istati Uniti, qed isiru t-thejjijiet għall-impatt tal-Uragan Irma, l-aktar uragan qawwi fl-Oċean Atlantiku f’dawn l-aħħar għaxar snin u wieħed mill-ħames uragani l-aktar qawwija f’dawn l-aħħar 80 sena.
Uragan li qed iqanqal riħ li qed jilħaq it-300 kilometru fis-siegħa u l-ewwel art li mistenni jmiss hi Leeward Island qabel ma jimxi lejn Puerto Rico u r-Repubblika Domenikana. Imbagħad bejn is-Sibt u l-Ħadd il-maltemp jasal f’Key West fi Florida.
Iżda tul it-triq lejn l-Istati Uniti, l-uragan se jkun qed jaħkem diversi gżejjer fil-Karibbew fothom Barbuda u Antigua.
F’Barbuda r-riħ tant kien qawwi li kisser it-tagħmir speċjaliżat biex ikejjel il-qawwa tar-riħ.
Eluf ta’ nies kienu evakwati miz-zoni fil-periklu tul diveri gżejjer fil-Karibbew fosthom il-Bahamas.
Il-Bahamas ukoll qed jorganizzaw l-akbar evakwazzjoni fl-istorja tal-pajjiż, bin-nies residenti jiħġu evakwati bl-ajru lejn il-kapitali Nassau.
L-Urgana Irma kien klassifikat ta’ Kategorija Ħamsa, l-ogħla livell possibbli fil-klassifika li tintuża għall-qilla tal-uragani. L-Istati Uniti ilha ma tintlaqat minn żewġ uragani ta’ din il-qilla f’temp qasir mill-1851.
Dan hekk kif hemm maltempata tropikali oħra, imlaqma Jose, qed tiżviluppa fl-Oċean Atlantiku u sal-Ħamis tkun żviluppat f’Uragan ieħor.