Illum fir-Russja se jasal Shinzo Abe, il-Prim Ministru Ġappuniż għal taħditiet mal-President Russu Vladimir Putin dwar il-kriżi Koreana.
Dan fl-istess ħin li Itsunori Onodera, il-Ministru tad-Difiża Ġappuniż, qal li minn analiżi tal-informazzjoni, il-bomba nukleari ta’ nhar il-Ħadd li splodiet il-Korea ta’ Fuq fil-fatt kellha qawwa ta’ 160 kiloton u mhux ta’ bejn 50 u 120 kiloton, kif kienu l-ewwel indikazzjonijiet. Dan ifisser li l-qawwa tal-bomba hi għaxar darbiet aktar minn dik li kienet splodiet fuq Hiroshima fil-Ġappun fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Sadattant, il-Korea ta’ Fuq mhi qed trażżan xejn mill-ostilità tagħha. Han Tae-song, l-Ambaxxatur tal-Korea ta’ Fuq għan-Nazzjonijiet Uniti, qal li l-isplużjoni nukleari ta’ nhar il-Ħadd kienet “rigal imġeżwer għall-Istati Uniti”. Hu wissa li se jkun hemm aktar bħalha.
Din kienet is-sitt splużjoni nukleari bi prova li wettqet il-Korea ta’ Fuq u l-aktar waħda b’saħħitha s’issa. Dan fl-istess ħin li l-Korea ta’ Fuq għamlet progress kbir fl-iżvilupp tal-missili li huma kapaċi jġorru arma nukleari.
Ir-reġim ta’ Pyongyang qed igħid li issa għandu arma nukleari li kapċi li titpoġġa fuq missila li tista’ tivvjaġġa distanzi kbar. Missili li l-Korea ta’ Fuq qalet kapaċi jaslu sal-Istati Uniti.
Il-PM Ġappuniż jiddiskuti l-kriżi Koreana ma’ Putin


