Internazzjonali

Kawża ta’ libell mingħajr preċedent mill-Ażerbajġan

Il-Gvern tal-Ażerbajġan fetaħ kawża ta’ libell bla preċedent fl-istorja ta’ Franza. Kawża kontra żewġ ġurnalisti li kienu ddeskrivew il-pajjiż bħala dittatorjat. Flimkien mal-ġurnalisti, il-Gvern ta’ Baku qed ifittex ukoll wieħed mill-istazzjonijiet tax-xandir nazzjonali fi Franza.
Il-kawża qed tinstema’ quddiem qorti f’Versilja u dan hekk kif madwar id-dinja ħarġet l-istorja li l-Ażerbajġan kellu fond speċjali ta’ 2.5 biljun ewro bl-iskop li jxaħħam il-politiċi madwar l-Ewropa.
Fil-kawża, l-Ażerbajġan qed jitlob is-somma simbolika ta’ ewro bħala danni, imma l-akkużati qed jissugraw ukoll multi ta’ 12,000 ewro.
L-akkużati huma l-ġurnalisti Elise Lucet u Laurent Richard kif ukoll l-istazzjon France 2 minħabba d-dokumentarju, ‘Mon Président est en Voyage d’Affaires’ (Il-President qed jivvjaġġa fuq negozju) li kien ixxandar f’Settembru tal-2015.
F’dan il-programm, Lucet kienet iddeskriviet lill-Ażerbajġan bħala waħda mill-agħar dittaturi fid-dinja u Richard kien iddeskriva lill-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliev, bħala dittatur.
Richard kien diġà spiċċa fl-inkwiet mal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan. Dan wara li hu u l-cameraman tiegħu kienu spiċċaw arrestati hekk kif kienu se jħallu l-pajjiż fl-2014 wara li kienu akkumpanjaw lill-President François Hollande.
L-Ażerbajġan bħalissa qed jappella kontra deċiżjoni ta’ qorti oħra Franċiża li warrbet kawża mill-Gvern ta’ Baku kontra l-Membru Parlamentari François Rochebloine. Dan wara li ddeskriva lill-Ażerbjġan bħala Stat terroristiku minħabba l-kunflitt fit-territorju tan-Nagorny-Karabakh.