Elezzjoni Kap PN Lokali

Michael Briguglio jagħżel lil Chris Said għal Kap tal-PN

Qed nagħżel lil Chris Said għal Kap tal-Partit Nazzjonalista għax Chris Said ifisser integrità, esperjenza u ghaqda. Chris Said ifakkarni f’Eddie fenech Adami, li kellu l-kwalitajiet kollha meħtieġa li wassluh biex rebaħ lill-Labour.

Forsi għalhekk li l-Labour ma jridux li Chris Said ikun il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Lil Said inxebbhu mal-kanċillier Ġermaniża Angela Merkel, mhux mal-President Amerikan Donald Trump, għax Said jappella għar-raġuni. Dan qalu s-soċjologu u kunsillier lokali f’Tas-Sliema, Michael Briguglio f’artiklu fil-gazzetta The Malta Independent tal-Ħamis.

Qabel ma għażilt lil Said, iltqajt maż-żewġ kontestanti għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit. Kemm Chris Said, kif ukoll Adrian Delia, għandhom il-preġji u d-diffetti tagħhom, iżda nemmen li Said huwa l-aħjar għażla, saħaq Michael Briguglio.

Briguglio spjega kif l-esperjenza li kellu ma’ Chris Said, meta dan kien Ministru, wrietu li huwa persuna li jisma’ u jiddeċiedi. Said qatt ma ħarab mir-responsabbiltà politika. Meta kien Segretarju Parlamentari u sar jaf li se jitressaq każ kontrih fil-Qorti, kien pront jirriżenja anke jekk ma kien għamel xejn ħażin, kif filfatt irriżulta u l-Prim Ministru Gonzi ħatru Ministru. Mhux l-istess għamlu politiċi bħal Konrad Mizzi u Keith Schembri, li minflok irreżenjaw spiċċaw bi rwol akbar fl-uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja, qal Michael Briguglio.

Briguglio spjega kif bħala Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali, Chris Said kien viċin ħafna tal-kunsilliera lokali u dejjem ta’ importanza lil kwistjonijiet lokali. Meta Said kien Sindku tan-Nadur, il-lokalità tiegħu ġabet l-akbar ammont ta’ fondi mill-UE u bih bħala Sindku l-Partit Nazzjonalista kompla jżid il-maġġoranza, qal Michael Briguglio.

Briguglio spjega kif karatteristika kruċjali għal Prim Ministru futur hi l-kapaċità li jgħaqqad, u f’dan Chris Said juri bil-fatti li hekk kapaċi jagħmel. Matul il-kampanja għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said ma qadtx jattakka lil ħaddieħor għal żbalji li setgħu saru fil-passat, minflok  wiegħed li jrid l-għaqda bejn fazzjonijiet differenti.

Chris Said huwa l-aħjar garanzija għal tmexxija nadifa. Għalih il-politika hi servizz mhux avventura. Huwa persuna ta prinċipju iżda fl-istess ħin jifhem ċ-ċirkostanzi u kapaċi jadatta. U minflok jinfexx f’ħafna tejatrin, jagħżel it-triq tar-raġuni u d-diċenza. Għalhekk li għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, jien qed nagħżel lil Chris Said temm jgħid Michael Briguglio.