Lokali

Omm u missier akkużati li kkorrompew sesswalment lil uliedhom- inżammu arrestati

Missier u omm li fil-jiem li għaddew kienu investigati mill-Pulizija dwar suspett li kkorrompew sesswalment liż-żewġt itfal tagħhom tressqu l-Qorti akkużati li fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew ikkorrompew sesswalment liż-żewġt itfal tagħhom u li saħansitra ħadulhom ritratti indeċenti.

L-Ispettur Joseph Busuttil quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli qara d-diversi kapi ta’ akkuża fil-konfront tal-koppja li min-naħa tagħha ċaħdet dawn l-akkużi.

Il-koppja, li quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli tressqet b’mod separat kienet akkużata wkoll li fil-pussess tagħha wara tfittxijiet fid-dar tagħha, kellha aktar minn sebgħin ritratt indeċenti tat-tfal.

It-tfal ta’ din il-koppja għandhom biss tlett snin u nofs u ta’ sena.

Kienet l-omm, li għandha 34 sena, li tressqet l-ewwel quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli.

L-omm li hi Rumena kienet akkużata li kkorompiet minuri kif ukoll li pproduċiet, kienet fil-pussess u qassmet materjal pornografiku li fih jidhru tfal żgħar. L-Ispettur talab lill-Qorti wkoll biex l-omm tingħata servizz ta’ trattament kif ukoll li titpoġġa taħt is-superviżjoni ta’ esperti.

Fil-Qorti l-Ispettur kompla jispjega li l-koppja kienet għamlet perjodu tippjana li tissepara,
Il-missier li hu Malti wkoll wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

L-Avukati Benjamin Valenzia u Cynthia Tomasuolo dehru għall-missier u l-omm rispettivament. Huma talbu għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat fosthom għaliex f’dan il-każ hemm bosta xhieda li għad iridu jixdhu quddiem il-Qorti.

Il-Maġistrat Demicoli, wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, iddeċidiet li f’dan l-istadju bikri ma kienx prudenti li jingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ordnat ukoll li għalissa l-ismijiet tal-partijiet u l-lokalità fejn jgħixu ma jkunux ippubblikati.