Il-Pulizija Franċiża qed tinterroga tliet persuni wara rejd, qrib Pariġi, li żvela materjal splussiv li kien qed jinżamm f’appartament.
Id-dettalji tar-rejd ingħataw mill-Ministru Franċiż għall-Intern, Gerard Collomb, li sostna li l-materjal inkwistjoni jintuża għall-produzzjoni tat-TATP – tip ta’ splussiv li ntuża kemm-il darba f’attakki suwiċida u b’mod partikulari waqt l-attakki ta’ Mejju, f’Manchester, fir-Renju Unit u tal-2015, f’Pariġi.
Sadattant, is-sejba tal-materjal saret f’appartament fl-inħawi ta’ Villejuif, lejn in-Nofsinhar tal-kapitali, u wara li raġel li jaħdem fil-manutenzjoni tal-bini kien ikkuntattja lill-pulizija biex jinfurmawhom dwar ‘attività suspettuża’ fl-appartament inkwistjoni.
Fl-aħħar tliet snin inqatlu ’il fuq minn 230 persuna waqt azzjonijiet terroristiċi fi Franza li kienu xprunati minn militanti Iżlamiċi.
Dan meta Franza, flimkien mal-Istati Uniti u pajjiżi oħra, qegħdin jibbumbardjaw bażijiet tal-grupp terroristiku ISIS fl-artijiet tal-Iraq u s-Sirja.
Tielet arrest f’investigazzjoni dwar it-terroriżmu fi Franza


