Tliet persuni – żewġt irġiel Maltin u mara Taljana – kienu arrestati wara li ħidma li għamlet il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga l-Erbgħa filgħaxija wasslet għal sejba ta’ droga fl-inħawi tal-Għadira. Il-persuni nstab li kellhom fil-pussess tagħhom ammont sostanzjali ta’ raża tal-kannabis.
Minn informazzjoni li waslet għand dan l-istazzjon, il-Pulizija rnexxielha tinterċetta dgħajsa lejn l-Għadira fil-Mellieħa, li fuqha kien hemm żewġ Maltin u mara Taljana.
Mit-tfittxija fil-fatt irriżulta li abbord kien hemm xejn inqas minn sebgħin kilogramma droga kannabis. Id-droga kienet ippakkjata b’boroż tal-plastik.
Id-dgħajsa li fuqha nstabet id-droga baqgħet tinżamm taħt għassa stretta. Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Marseanne Farrugia, li ħatret diversi esperti biex jassistu fl-Inkjesta li ġiet appuntata.
Il-persuni involuti għadhom qed jinżammu taħt arrest biex jassistu lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet.
//= $special ?>