Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Tnejn jitressqu l-Qorti b’rabta mas-serqa kbira fil-Knisja Kolleġġjata ta’ Bormla

Marflene Cricchiola u Gianluca Sultana tressqu l-Qorti akkużati bis-serqa mill-Knisja ta’ Bormla. Serqa li tammonta għal aktar minn €35,000. Cricchiola għandu 30 sena filwaqt li l-Malti għandu 19-il sena

Is-Serqa kienet saret fit-22 ta’ Lulju mill-Knisja Kolleġjata ta’ Bormla. Iżda l-oġġetti sagri li nsterqu mhux maghruf x’sar minnhom, fosthom numru ta’ kalċi, numru ta’ pissidi u anke ċiborju. Jirriżulta li kienet insterqet ukoll labra bil-brillanti, li fil-Festa tkun armata mal-Kwadru Titulari.

Fil-Qorti Cricchiola u Sultana wieġbu li ma kenux ħatja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom.

Mill-Qorti ħareġ li huma daħlu fil-Knisja matul is-satra tal-lejl billi rnexxielhom jitilgħu fuq il-bejt billi xxabbtu mal-iscaffolding li kien hemm minħabba xogħlijiet li kienu qed isiru fil-Knisja. Minn fuq il-bejt u b’ħabel, il-ħallelin niżlu madwar tliet sulari għal fuq il-Kor tal-Knisja, minfejn imbagħad kellhom aċċess għall-kumplament tal-Maqdes.

Iż-żewġ akkużati, li fil-Qorti kienu akkumpanjati mit-tfajliet tagħhom – it-tnejn qed jistennew tarbija – qalu fil-Qorti li wieħed minnhom, Cricchiola kien se jibda jaħdem il-ġimgħa d-dieħla u l-ieħor, u Sultana, kien se jibda jagħmel xogħol ta’ technician.

Fil-Qorti huma kienu akkużati mill-Ispettur Joseph Mercieca li flimkien għamlu din is-serqa bl-aktar mod aggravat, għamlu ħsarat fi proprjetà ta’ valur storiku.

Fil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, ħareġ li Sultana kien issellef xi flus mingħand terza persuna biex imbagħad jgħaddi l-istess somma mislufa lil Cricchiola. L-Ispettur Joseph Mercieca qal li mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li Cricchiola ma kienx f’pożizzjoni li jonora s-self li kien għamel u għalhekk flimkien ddeċiedew li jagħmlu din is-serqa

Fil-Qorti huma kienu assistiti mill-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri li talbu għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ akkużati.

Min-naħa tiegħu l-Ispettur Joseph Mercieca oġġezzjona għat-talbiet tad-Difiża.

Meta l-Maġistrat semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet iddeċidiet li tilqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest għal Gianluca Sultana iżda fuq numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom li jagħmel depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €6,000, li josserva kerfju u li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tlett darbiet fil-ġimgħa.

Minn naħa l-oħra Cricchiola, ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.