Lokali Qorti

Akkużat li abbuża minnha u li rrekordjaha bla permess waqt l-att sesswali

L-akkużat, hu u dieħel il-Qorti
L-għarusa 'propja' tal-akkużat sabet il-filmat pornografiku ma' mara oħra fuq il-laptop u hedditu li se xxandru

David Xuereb ta’ 44 sena mill-Furjana wieġeb mhux ħati li abbuża minn mara li magħha kellu relazzjoni sesswali, u li rrekordjaha bla permess.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud semgħet lil din il-mara, li magħha Xuereb kellu relazzjoni sesswali. Fil-Qorti hi qalet li ma baqgħatx tħossha komda taħbi lill-għarus tagħha, u għaldaqstant iddeċidiet li twaqqaf ir-relazzjoni sesswali ma’ Xuereb.

Imma jirriżulta, skont din il-mara, li Xuereb ma riedx itemm din ir-relazzjoni, u heddedd lill-mara li jikxifha mal-għarus tagħha. Dan wassal biex il-mara kienet qed tispiċċa tmur għand l-akkużat biex ikollha x’taqsam miegħu ta’ bilfors.

Filfatt, jirriżulta wkoll li l-akkużat ħa filmat bla permess waqt l-att sesswali. Filmat, li fih il-mara tinstema’ tgħid lir-raġel biex jieqaf, u li ma riditx tkompli bir-relazzjoni.

Il-prosekuzzjoni ta’ dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi John Spiteri u Jeffrey Scicluna, bil-Maġistrat Joe Mifsud jiċħad it-talba għal-libertà proviżorja.

Imma f’każ separat iżda fl-istess ħin relatat, tressqet il-Qorti wkoll l-għarusa tal-akkużat, Eli Velichkovikj, akkużata li heddet lil David Xuereb li kienet se xxandar il-filmat pornografiku. Jirriżulta li l-għarusa tiegħu sabet dan il-filmat fuq il-laptop tal-akkużat, u mill-brazzuletta li kien liebes l-akkużat indunat li l-filmat kien riċenti.

Fil-Qorti, l-għarusa tal-akkużat, li hi mill-Maċedonja, qalet li hi bdiet thedded li se xxandar il-filmat pornografiku f’mument ta’ frustrazzjoni. F’dan il-każ, il-Qorti kkundannat lil din il-mara sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn, bil-Maġistrat Joe Mifsud jordnalha tirritorna l-Maċedonja.

L-għarusa tal-akkużat (xellug), li skopriet il-filmat pornografiku, u li heddet li se xxandru