Elezzjoni Kap PN Lokali

FILMAT: “Mhux se nkun ċass quddiem il-korruzzjoni” – Chris Said

“Din il-ġimgħa, kellna żewġ rapporti li jixħtu dell ikrah fuq l-użu ta’ Malta għall-ħasil tal-flus u attivitajiet illeċti. Wieħed mir-rapporti kien dwar kif il-mafja Taljana kienet qed tuża’ lil Malta għal skop ta’ ħasil tal-flus, fejn inħaslu b’valur ta’ żewg biljun ewro f’Malta. Rapport ieħor jgħid li aktar minn nofs miljun dollar Amerikan ġew trasferiti permezz ta’ Malta fejn saru mal-għaxar pagamenti lil kumpaniji suspettużi. Dan wara li, aktar kmieni, ġie żvelat kif it-tmexxija tal-Gvern tal-Ażerbajġan xtrat politiċi Ewropej”.

F’messaġġ lill-media, il-kandidat għal Kap tal-PN Chris Said qal li dawn huma żewġ rapporti koroh ħafna għal pajjiżna. Żied li quddiem dan kollu, is-skiet tal-istituzzjonijiet Maltin, mhux l-inqas tal-Korp tal-Pulizija, itarrax. “Dawn iż-żewġ rapporti misshom xegħlu pajjiż u wasslu għal investigazzjoniet kbar. Imma f’Malta tal-Labour ta’ Muscat, din aħbar li tgħaddi mal-oħrajn,” qal Chris Said.

Hu qal li l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus mhux biss huma attivitajiet illegali, iżda l-korruzzjoni tfisser li l-pensjoni tal-anzjani li ma jlaħħqux sal-aħħar tax-xahar, tkompli titnaqqar.

“Hija din l-attitudni skandaluża quddiem dak li hu ħażin u korrott li jien, bħala Kap tal-PN, beħsiebni niġġieled b’saħħti kollha. Għalhekk, qed nisħaq li jekk irridu nirbħu l-fiduċja tan-nies, ma nistgħux nidħlu fis-sodda mal-Labour”, saħaq Chris Said.

Żied jgħid li hu jitkellem kontra l-korruzzjoni – għax dak li hu ħażin jibqa’ ħażin. “Il-PN se nġeddu fis-sod billi nagħmlu partit pożittiv billi noħorġu bi proposti tajbin u billi nkunu man-nies dejjem. Iżda minix se nkun ċass quddiem il-ħażin tal-Gvern ta’ Muscat u Chris Cardona”, qal Chris Said.

Intant, il-Ħamis filgħaxja Chris Said iltaqa’ mal-GRTU fejn ressaq għadd ta proposti għal dan is-settur, b’Said jisħaq li l-PN irid jerġa’ jsir id-dar naturali tas-self-employed u jibda billi jagħtihom indikazzjoni ċara li mal-PN jistgħu jaslu, u mhux jinfnew f’burokrazija u piżijiet żejda li ma jħalluhomx jaqilgħu hobżhom bil-kwiet.