Pajjiżna jiċċelebra Jum il-Vitorja, ġurnata għall-poplu Malti fih aktar minn sinifikat wieħed, għax fiha, il-poplu Malti jfakkar ir-rebħ tal-Maltin fl-Assedju l-Kbir tal-1565, kif ukoll il-waqfien tal-bumbardamenti fuq Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija. Imma nfakkru wkoll it-twelid tal-Madonna bil-festa tal-Bambina fl-Isla, fil-Mellieħa, fin-Naxxar u fix-Xagħra Għawdex.
Fil-Belt Valletta saru ċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali li laħqu l-qofol tagħhom quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir faċċata l-bini tal-Qorti, meta l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca poġġiet il-fjuri biex tikkommemora din il-festa.
Għat-tqegħid tal-kuruna tal-fjuri, il-President ta’ Malta kienet akkumpanjata miċ-Chairperson tal-Kumitat Festi Nazzjonali. Ħa sehem ukoll stakkament ta’ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Iċ-ċelebrazzjonijiet komplew wara mill-Kumitat Fesi Nazzjonali, li poġġa l-fjuri mal-qabar tal-vittmi tal-Assedju fil-forti Sant’Anġlu, mal-monument tal-Vitorja, il-Birgu, mal-monument ta’ Malta Rebbieħa fl-Isla, u wara, fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata fejn jiġu mfakkra l-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Intant, filgħodu, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna mexxa l-Quddiesa Pontifikali tal-festa tat-Twelid tal-Verġni Marija. Il-Ħamis filgħaxija, fil-Bażilika tal-Isla wkoll saret quddiesa Pontifikali, fejn attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.
U f’Jum il-Vitorja, ma naqsitx it-tradizzjoni tar-regatta, b’numru ta’ lokalitajiet iħabbtuha għat-titlu f’din il-kompetizzjoni b’dgħajjes tar-regatta; tradizzjoni b’għeruq li jmorru lura snin twal.


