Bejn il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd, l-Uragan Irma mistenni jmiss l-art fi Florida, bl-awtoritajiet iwissu li l-qawwa tal-maltmep se tkun ferm akbar milli kien mistenni.
Brock Long, il-kap tal-aġenzija Amerikana għall-emerġenzi, qal li l-urgana – l-aktar wieħed qawwi qatt irreġistrat fl-Oċean Atlantiku – mistenni jagħmel ħerba meta jmiss l-art fl-Istati Uniti. Huwa bassar li madwar 100,000 persuna se jkollhom bżonn jingħataw il-kenn. Dan apparti li se titħarbat il-provista tal-elettriku.
Mal-500,000 persuna kienu ordnati jitilqu minn djarhom fin-Nofsinhar ta’ Florida minħabba l-wasla ta’ Irma.
L-Uragan Irma ħalla warajh ħerba sħiħa fil-Karibew u affettwa lil 1.2 miljun persuna. S’issa fil-Karibew kienet konfermata l-mewt ta’ 14-il persuna. Imma hekk kif jibda t-tindif, mhux eskluż li t-total jiżdied.
Għalkemm il-qawwa tal-uragan battiet xi ftit, dan xorta għadu jqanqal riħ li qed jilħaq il-270 kilometru fis-siegħa.
F’St Martin, gżira maqsuma bejn Franza u l-Olanda, intqal li fil-parti Franċiża, sitta minn kull għaxar djar sofrew ħsarat kbar, tant li wieħed ma jistax jgħix fihom aktar; filwaqt li fil-gżira ta’ Antigua hu stmat li 95 fil-mija tal-bini sofra ħsarat kbar.
Franza, l-Olanda u r-Renju Unit issa bagħtu l-għajnuna kif ukoll xi truppi biex jgħinu lill-popolazzjonijiet tat-territorji tagħhom kif ukoll biex jistabbilixxu l-ordni.
Florida tlesti għall-wasla ta’ Irma


