Passiġġier Malti li kien qed jivvjaġġja lejn it-Tajlandja twaqqaf minn uffiċjali tad-Dwana fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li nstab li kellu iktar minn €36,000 fi flus kontanti fuqu. Dawn il-flus ma kienux iddikjarati.
Ir-Raġel qal li kellu l-flus fuqu sabiex jinvestihom u stqarr li ma kienx jaf bir-regolamenti li jobbligawh li dawn il-flus ikunu dikjarati.
Il-Liġi Maltija kif ukoll dik tal-Istati Membri kollha tal-UE tobbliga lil kull min se jkun ġej jew se jitlaq minn Malta, jew se jgħaddi minn Malta u jkollu fuqu flus kontanti ta’ €10,000 jew iktar, li tali somma għandha tkun dikjarata mad-Dwana. M’hemmx limitu ta’ kemm wieħed jista’ jġorr flus kontanti fuqu, dejjem jekk is-somma taqbeż l-€10,000 tkun iddikjarata.
Id-Dwana żammet €26,355 sakemm isiru iktar investigazzjonijiet filwaqt li rritornat l-€10,000 li huma permessi bil-liġi. Il-Pulizija mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi kienet infurmata bil-każ u qed tinvestiga. Ir-raġel, li ma kompliex bil-vjaġġ tiegħu lejn it-Tajlandja, mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>

