Waqt attività għat-tesserati u l-partitarji Nazzjonalisti, il-Kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-PN m’għandux kriżi ta’ valuri u prinċipji.
Qal li jekk it-tesserati Nazzjonalisti jafdawh bit-tmexxija tal-Partit, il-Partit Nazzjonalista mhux talli ma jkun “Labour Mark 2” iżda jissaħħaħ fil-valuri u l-prinċipji Nazzjonalisti u jibqa’ l-vuċi ewlenija favur il-familja, it-tolleranza, il-ġenerozità, l-inklussività, id-demokrazija u l-valur tal-konvinzjoni.
Waqt l-attività għat-tesserati u l-partitarji Nazzjonalisti f’Tas-Sliema Adrian Delia esprima sodisfazzjon li ħafna qed isegwu l-viżjoni tiegħu ta’ Mod Ġdid għall-Partit Nazzjonalista, iżda wera d-diżappunt li fl-għaxar distrett, fejn tradizzjonalment huwa dejjem maġġoranza Nazzjonalista, il-Partit Nazzjonalista fadallu każin wieħed biss. Qal li se jaħdem biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkollu d-djar tiegħu biex jilqgħu l-aspirazzjonijiet taghhom.
Il-Partit Nazzjonalista, qal Adrian Delia, se jieħu pożizzjoni kbira u b’saħħitha dwar il-liġijiet li se jkun qed jimbotta l-Gvern, partikolarment il-liġi li se tikkommerċjalizza l-prostituzzjoni.
Qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi l-valuri demokristjani tiegħu għax fi kliemu, il-Partit Nazzjonalista kien, għadu u se jibqa’ t-tarka tal-familji Maltin u d-dinjita’ tagħhom.
Huwa tkellem ukoll dwar il-ħafna transfers vendikattivi li ta l-Partit Laburita wara li reġa’ kiseb il-Gvern. Qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun it-tarka tal-ħaddiema affettwati u se jiddefendihom każ każ.
Adrian Delia qal li l-valur tal-ħajja m’huwiex vot u mhux numru. Qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux jaċċetta fost l-oħrajn li t-teħid tad-droga ikun ‘għażla personali’ kif qal il-Ministru Chris Fearne.
Adrian Delia qal iżda li hemm bżonn bidla fil-ħsieb u l-mod kif isiru l-affarijiet. Qal li l-pajjiż huwa nieqes minn pjan ċar fit-tul. Qal li m’għadux iż-żmien li l-Partiti jaħdmu biss għall-voti kull ħames snin. Qal li Malta għandha bżonn pjan għall-għoxrin jew tletin sena li jmiss fis-setturi kollha li jaffettwaw il-ħajja tan-nies. Qal li l-Partit Nazzjonalista, mill-Oppożizzjoni se jibda jagħti s-soluzzjonijiet għan-nies.
Hu temm li fl-aħħar tmien ġimgħat il-kampanja għall-Mod Ġdid irnexxielha tikkonvinċi kważi nofs il-Kunsillieri fil-Kunsill Ġenerali. Qal li f’dawn il-ġimgħatejn it-tesserati għandhom opportunità tad-deheb biex jiddeċiedu li jagħtu vuċi ikbar lilhom infushom. Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-mod ġdid huwa li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ tan-nies u in-nies.
//= $special ?>