Lokali Qorti

Jitressqu l-Qorti wara qabda ta’ 70 kilo kannabis

Żewġ persuni arrestati wara qabda ta’ 70 kilo kannabis, tressqu l-Qorti, fejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Kienu b’kollox tlett persuni li l-Erbgħa li għaddew ġew arrestati talli kienu abbord dgħajsa li fuqha kien hemm mas-70 kilogramma kannabis. Id-dgħajsa kienet dieħla l-Għadira meta nqabdet mill-Pulizija u s-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Fil-Qorti, tnejn minn dawk arrestati – Michael Aquilina ta’ 44 sena u Greta Grassi ta’ 22 sena – ġew akkużati mhux biss li kienu fil-pussess tad-droga, iżda wkoll talli kienu qed jassistu fit-traffikar tad-droga.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, iż-żewġ persuni wieġbu mhux ħatja, imma xorta waħda ma ngħatawx il-libertà proviżorja, u b’hekk baqgħu jinżammu arrestati.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Frank Tabone, li skont rapporti fil-media, fil-Qorti qal li l-arrest ta’ dawn il-persuni wassal biex tkisser ċirku kbir ta’ traffikar ta’ droga bil-baħar bejn Sqallija u Malta.

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana dehret għal Michael Aquilina, filwaqt li l-Avukat Gianluca Caruana Curran deher għal Greta Grassi.