Internazzjonali

L-Amerikani jippruvaw jiffriżaw l-assi ta’ Kim Jong-un

L-Istati Uniti proponiet li jittieħdu numru ta’ sanzjonijiet ġodda kontra l-Korea ta’ Fuq komunista min-naħa tan-Nazzjonijiet Uniti. Is-sanzjonijiet inkwistjoni jinkludu projbizzjoni għaż-żejt u l-iffriżar tal-assi tal-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un.
L-abbozz tar-riżoluzzjoni beda jiċċirkula lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU wara s-sitt prova nukleari u d-diversi provi missilistiċi mir-reġim fi Pyongyang.
Dan ukoll meta l-Korea ta’ Fuq qed tgħid li żviluppat bomba tal-idroġenu waqt li qed tkompli thedded l-attakki fuq l-Istati Uniti.
Madankollu, iċ-Ċina u r-Russja t-tnejn mistennija jopponu aktar sanzjonijiet min-NU fil-konfront tal-Korea komunista.
Il-Korea ta’ Fuq diġà tinsab taħt sanzjonijiet restrittivi għall-aħħar imposti min-NU bil-ħsieb li t-Tmexxija fi Pyongyang tkun imġiegħelha trażżan il-programmi tal-armamenti tagħha.
Intant, l-abbozz tal-proposta ġdida mill-Istati Uniti jesiġi projbizzjoni assoluta għall-proviżjoni ta’ prodotti taż-żejt lill-Korea ta’ Fuq. Projbizzjoni oħra, imbagħad, hi immirata għall-industrija ta’ Pyongyang għall-esportazzjoni tat-tessuti.
L-abbozz, fl-istess ħin, jissuġġerixxi l-iffriżar tal-assi ta’ Kim Jong-un u tal-Gvern fi Pyongyang filwaqt li Kim u uffiċjali oħra tar-reġim ‘ikunu projbiti milli jivvjaġġaw barra pajjiżhom.’
Il-qligħ mill-assi barranin tal-Korea ta’ Fuq u l-esportazzjoni tat-tessuti huma tnejn fost l-aktar sorsi tad-dħul importanti għal Pyongyang.
Sadanittant, mistenni li l-Istati Uniti tiffaċċja oppożizzjoni sostanzjali mir-Russja u ċ-Ċina rigward is-sanzjonijiet ġodda għal Pyongyang, meta dawn iż-żewġ pajjiżi t-tnejn qed jissupplixxu ż-żejt lill-Korea ta’ Fuq minbarra li għandhom id-dritt għall-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.
Hu minnu wkoll li r-Russja u ċ-Ċina qed jinsistu dwar ‘soluzzjoni alternattiva’ għall-kriżi Koreana, waqt li jipproponu biex l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel ma jkomplux għaddejjin bl-eżerċizzji militari konġunti ‘li qegħdin jirrabjaw lir-reġim ta’ Pyongyang’.