Internazzjonali

L-Uragan Irma jħalli widien ta’ qerda u mwiet

L-Uragan Irma kkaġuna qerda sħiħa tul ir-reġjun tal-Karibew, fost il-kroll ta’ bini u rapporti dwar talanqas għaxar mejtin tul medda ta’ territorju. L-aħħar rapporti, intant, qalu li l-elementi tal-maltemp kienu qed javviċinaw il-Gżejjer ta’ Turks and Caicos mit-Tramuntana tar-Repubblika Dominikana.
L-entitajiet li qed jagħmlu l-kalkuli tal-ħerba qalu li l-gżira ċkejkna ta’ Barbuda ‘bilkemm għadha tajba għar-residenti’. Dan meta l-gżira ta’ Saint Martin, fil-Grigal tal-Karibew, kważi nqerdet għal kollox, biċ-ċifra tal-mejtin mistennija titla’.
L-Uragan Irma laħaq kategorija ‘ħamsa’ li hi l-ogħla livell possibbli fiċ-ċirkustanzi.
L-elementi tal-uragan jidhru bħala ‘l-agħar maltempata fir-reġjun tal-Atlantiku għal għaxar snin’, u fejn qed jiddominaw irwiefen b’veloċità ta’ 285 kilometru fis-siegħa.
L-Uragan Irma, l-ewwel, laqat it-territorji ta’ Antigua u Barbuda, fost rapporti dwar ‘tfajjel mejjet’ f’Barbuda. Il-Prim Ministru ta’ Barbuda, Gaston Browne, tenna li madwar 95 fil-mija tal-bini f’din il-gżira ġarrbu l-ħsarat mill-maltemp ‘li l-impatt tiegħu kien wieħed tassew devastanti’.
Fil-fatt, il-gżira ta’ Barbuda, fl-aħħat sigħat, kienet koperta mill-ilma, bil-popolazzjoni tinsab mingħajr dar u meta hu kalkulat li ‘il-bini mill-ġdid tal-gżira għandha tiswa ‘il fuq minn 80 miljun ewro’.
Sadanittant, it-territorju ta’ Antigua -fejn igħixu 80,000 persuna – ħelsitha mill-agħar tal-uragan u ma jidhirx li hemm il-mejtin fl-inħawi.
Iżda l-gżira ta’ Saint Martin – li tinkorpora t-territorju Franċiż ta’ Saint-Martin u t-territorju Olandiż, Sint-Maarten – ġarrbet il-ħsarat terribbli. L-uffiċjali konfermaw talanqas tmien każi ta’ imwiet f’Saint-Martin u f’Saint Barthelemy – magħruf ukoll bħala St Barts.
Uffiċjali li rappurtaw dwar is-sitwazzjoni f’Saint Martin rreferew għal ‘katastrofi enormi’ waqt li qalu li l-elementi tal-uragan qerdu ‘madwar 95 fil-mija tal-gżira.’