Sloane Stephens irnexxielha żżomm il-pressjoni biex għelbet lil Venus Williams fi tliet sets biex se tilgħab il-finali tal-Open tal-Istati Uniti kontra l-Amerikana l-oħra Madison Keys. Stephens li hi s-sid numru 83 fid-dinja riċentament irritornat minn injury, u rebħet 6-1, 0-6, 7-5 fi Flushing Meadows fi New York.
Fis-semifinali l-oħra, Keys li hi s-sid numru 15 għelbet lil CoCo Vandeweghe 6-1, 6-2. Kemm Stephens kif ukoll Keys se jagħmlu d-debutt fil-finali ta’ Grand Slam illum. Din se tkun l-ewwel darba minn meta Serena Williams għelbet lil Venus Williams fl-2002 li finali tan-nisa se jkollha żewġ Amerikani.
“Li jkollok erba’ Amerikani fis-semifinali, naħseb li tgħid ħafna fuq it-tennis Amerikan u fejn ninsabu bħalissa. Ninsab kburija u onorata li nkun parti minn dawn l-erba’ tfajliet u b’dak li għamilna,” qalet Stephens. Hi rritornat fl-azzjoni f’Wimbledon wara li tilfet 11-il xahar minħabba li kienet weġgħet saqajha.
Xahrejn wara, it-tennista ta’ 24 sena tinsab fuq sensiela ta’ 14-il rebħa minn 16-il logħba u kkwalifikat għall-ewwel finali maġġuri. “M’għandix kliem biex niddeskrivi l-emozzjonijiet u kemm ħdimt biex wasalt sa hawn. Kieku xi ħadd qalli li meta rritornajt kont se nasal sa żewġ semifinali u finali ta’ Grand Slam kien iħossni ħażin,” kompliet l-Amerikana.
Williams li għandha 37 sena, naqset li tasal sal-finali, 15-il sena wara l-aħħar finali tagħha f’din il-kompetizzjoni, u d-darbtejn Champions se ttemm l-2017 mingħajr ma żżid unur maġġuri ieħor minkejja li waslet f’żewġ finali u semifinali ta’ Grand Slam. “Għalija kollox idur li jirnexxieli npoġġi lili nnifsi l-ħin kollu li nikseb l-unuri, u dak li stajt nagħmel.” Williams kienet qed tilgħab it-23 semifinali f’tournaments maġġuri.
Fil-logħba l-oħra, Keys kellha wirja tajba meta ġabet fix-xejn lil CoCo Vandeweghe fejn tilfet biss tliet logħbiet biex hi wkoll waslet għall-ewwel finali tagħha f’Grand Slam. Il-kowċ ta’ Keys, Lindsay Davenport, kienet l-aħħar Amerikana minbarra l-familja Williams li rebħet dan it-titlu, lura fl-1998.
Hi ma setgħetx titlob aktar minn Keys, bit-tennista ta’ 22 sena tiddomina lill-avversarja tagħha minn kull aspett. Dan kien it-tielet konfront bejn iż-żewġ tennisti, b’Keys iżżomm ir-rekord perfett. Keys rebħet l-ewwel ħames logħbiet fi 13-il minuta u fl-ewwel sett għamlet biss żewġ unforced errors.
Vandeweghe li għandha 25 sena rnexxielha biss tnaqqas il-pass tal-avversarja fit-tieni set, iżda Keys reġgħet żiedet u minkejja li ħadet time-out mediku u rritornat seba’ minuti wara b’faxxa mal-koxxa leminija, ma għamlet l-ebda differenza.
//= $special ?>