Lokali

“Bniedem ta’ qdusija u għerf” – sogħba għall-mewt ta’ Mons. Fortunato Mizzi

Monsinjur Fortunato Mizzi (xellug)
Il-PN isellem il-memorja ta' Mons. Fortunato Mizzi

Aġġornata

“Kien bniedem ta’ qdusija għerf, iben statista, iżda b’umiltà liema bħala. Kienu dawn uħud mill-kummenti ta’ diversi persuni li urew is-sogħba tagħhom għall-aħbar tal-mewt ta’ Monsinjur Fortunato Mizzi, iben l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Enrico Mizzi, u neputi tal-fundatur tal-Partit Nazzjonalista Fortunato Mizzi.

Monsinjur Fortunato Mizzi miet fis-sliem fl-età ta’ 88 sena il-Ġimgħa waranofsinhar, għall-ħabta tal-erbgħa, imdawwar minn numru ta’ persuni li sal-aħħar mumenti ta’ ħajjtu baqgħu iżommulu kumpanija.

Malli s-sit NETnews.com.mt ħareġ l-aħbar tal-mewt ta’ Monsinjur Fortunato Mizzi, kienu ħafna dawk li kkummentaw b’kliem ta’ tifħir għall-karattru tiegħu.

Wieħed mill-kummenti kien ta’ Alexander Borg Olivier, iben l-eks Prim Ministru George Borg Olivier, li qal li Monsinjur Fortunato Mizzi kien bniedem kbir li dejjem jolqtok bid-dinjità u l-qdusija tiegħu.

Magħruf għat-tbissima li kien ikollu għal kulħadd, Monsinjur Fortunato Mizzi qatta’ kważi s-snin kollha ta’ ħajtu jgħix fid-dar fi Triq San Ġwann il-Belt fejn twieled u miet missieru, Nerik Mizzi. L-aħħar ftit snin ta’ ħajtu qattagħhom fid-Dar tal-Kleru.

F’kumment ieħor, Monsinjur Fortunato Mizzi kien imfaħħar għall-impenn tiegħu favur il-ġustizzja soċjali, minkejja l-karattru rett u ta’ dixxiplina tiegħu. Filfatt, Monsinjur Mizzi kien il-fundatur tal-Moviment Azzjoni Soċjali fl-1955.

Fuq kollox, jingħad li Monsinjur Fortunato Mizzi kien saċerdot, umli u eżemplari – minkejja li kien iben statista kbir.

Fl-2010, flimkien mal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, Monsinjur Fortunato Mizzi waqqaf il-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi biex mhux biss tfakkar lill-ewwel żewġ Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista, iżda wkoll biex tamministra l-propjetà, l-arkivji u l-memorabilia kollha tal-familja Mizzi.

Issa hemm pjanijiet biex din il-Fondazzjoni, li s-segretarju tagħha huwa Richard Muscat, tikkonverti d-dar ta’ Nerik Mizzi u tal-Monsinjur Fortunato Mizzi, fl-ewwel mużew tal-istorja politika f’Malta.

Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, sellem il-memorja ta’ Monsinjur Fortunato Mizzi.

Quddiesa b’suffraġju għal ruħ ta’ Mons. Dun Fortunato Mizzi ser tiġi ċċelebrata nhar it-Tnejn, 11 ta’ Settembru 2017 fil-Knisja tal-Ġiżwiti, fi Triq Merkanti, il-Belt Valletta fis-2.30pm.