St. Andrews: M. Calleja Cremona, E. Pena Beltre, A. Borg, L. Grech (J. Walker 85’), M. Gauci, M. Miranda (M. Grima 80’), J. Farrugia, M. Davis, K. Butler (T. Azian 60’), D. Jackson, K. Atkinson
Ħamrun: J. Galea, K. Micallef, D. Zerafa, D. Camilleri (T. Agius 74’), T. Caruana, T. Souza, G. De Castro, T. Espindola, A. Faria (J. Galea 14’) (L. Micallef 67’), V. Gomes, F. Marino
Imwissija: L. Grech 17’, D. Butler 49’, A. Borg 83’ (S) T. Caruana 33’, G. De Castro 86’ (Ħ)
Skorjaw: D. Zerafa 6’, G. De Castro 18’ (Ħ), D. Jackson 62’ (S)
Referee: Tony Clarke (Irlanda ta’ Fuq)
Assistenti Referees: Gavin Andrews, Kristian Hanna (Irlanda ta’ Fuq)
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Guilherma Felipe De Castro (Ħ)
Attendenza: 305
Fl-logħba kkontrollata minn tim arbitrali mill-Irlanda ta’ Fuq, assistejna għal dominanza Ħamruniża fl- ewwel taqsima li kkontrollaw sa mill-ewwel minuti b’gowl kmieni li witta t-triq għat-tieni rebħa tagħhom tal-istaġun.
St Andrews żiedu fil-prestazzjoni tagħhom fit-tieni taqsima iżda ma kienx biżżejjed biex jieħdu l-punti minn din il-partita biex issa għandhom tliet punti minn tliet partiti, bit-telfa ta’ Doncic tidher li setgħet affetwat lill-plejers f’xi mumenti mill-partita.
Fuq in-naħa l-oħra Ħamrun akkwistaw it-tieni rebħa staġjonali biex tħallihom b’sitt punti hekk kif il-kampjonat irritorna minn waqfa għal-logħob internazzjonali.
Wara li fill-jiem li għaddew Danilo Doncic ħalla lil St Andrews, Nenad Veselji deher bħala l-persuna li ħa ħsieb il-formazzjoni tal-vjola fejn għażel li jagħmel xejn inqas minn erba’ tibdiliet fosthom xi debuttanti li ffirmaw ftit tal-ġimgħat ilu. Interessanti wkoll li fuq il-bank tas-sostituti, St. Andrews għażlu lit-talent ta’ 15 -il sena Mattia Veselji li jiġi t-tifel ta’ Nenad.
Jaques Scerri għażel li jkompli r-rotazzjoni bejn il-lasti f’waħda miż-żewġ tibdiliet li għamel mil-logħba li għaddiet b’Jake Galea jibda kontra l-eks tim tiegħu, bil-bidla l-oħra tara lil Dale Camilleri jibda minflok Terence Agius. Fit-tieni taqsima rajna wkoll id-debutt ta’ Lydon Micallef bil-flokk tal-Ispartans.
L-ewwel azzjoni perikoluża waslet wara sitt minuti meta Daniel ZERAFA sab ruħu fil-kaxxa wara freekick ta’ Marino Clavero minn tliet kwarti grawnd, biex spara fil-baxx fl-anglu wara Calleja Cremona biex skurja l-ewwel gowl tiegħu tal-istaġun.
Seba’ minuti wara, Ħamrun reġgħu ttantaw xortihom b’xutt ta’ Marino Clavero li ġie newtralizzat minn Calleja Cremona. Mill-istess azzjoni Faria Machado kien żvinturat li weġġa’ biex floku daħal Julian Galea.
Fis-16-il minuta, logħob Ħamrun għamluhom tnejn wara li freekick ta’ Espindola minn viċin il-bandiera tal-korner sab lil DE CASTRO lest biex b’daqqa ta’ ras tefa’ fix-xibka.
Ħamrun komplew jiddominaw meta għaxar minuti wara, Julian Galea żmarka ruħu iżda tawwal kemxejn il-ballun b’Calleja Cremona joħroġ minn postu biex niżel jimblokka. Il-ballun waqa’ għand Dale Camilleri li spara għoli.
L-ewwel azzjoni denja ta’ St. Andrews waslet wara 34 minuta b’Joseph Farrugia jispara freekick barra minn qagħda tajba. St. Andrews approfittaw minn żball ta’ Ħamrun qrib il-kaxxa fejn wara li ħadu l-pussess tal-ballun mingħand id-difensuri Ħamruniżi, Martin Davis għadda l-ballun lejn Atkinson li ra x-xutt fil-baxx tiegħu jiġi salvat mill-eks gowlkiper tal-istess St. Andrews, Galea.
L-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima ġiet minn naħa ta’ St Andrews u sarfet f’gowl meta’ Degran JACKSON ittanta xortih b’xutt fil-baxx minn pożizzjoni angolata minn tarf il-kaxxa bil-ballun jaħbat mal-lasta qabel daħal ġewwa. Gowl sabiħ li iżda Jake Galea seta’ għamel aħjar biex salva għalkemm possibbilment kien viżibbilment mgħotti minn sħabu fil-kaxxa. Dan kien l-ewwel gowl tal-Ġamajkan ma’ St. Andrews.
Kwarta mit-tmiem, De Castro ra x-xutt tiegħu jiġi salvat tajjeb minn Calleja Cremona. St Andrews tefgħu kollox fuq l-attakk lejn tmiem il-partita bl-iktar azzjoni perikoluża tasal fil-ħin miżjud meta s-sostitut Walker tefa’ barra minn qagħda tajba viċin il-kaxxa ż-żgħira.
//= $special ?>