Raġel weġġa’ gravi wara li qala’ daqqiet “b’arma taqta’ u bil-ponta”. Qalet dan il-Pulizija, fi stqarrija li fiha qalet li dan l-inċident seħħ għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu.
Kien f’dak il-ħin li l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq il-Korp tal-Pijunieri f’San Pawl il-Baħar.
Mill-informazzjoni tal-Pulizija, ir-raġel, li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa, instab ferut mal-art wara li dan qala’ daqqiet ta’ arma bil-ponta.
Fuq il-post issejħet l-ambulanza li ħadet lir-raġel l-isptar Mater Dei għal iktar kura. Hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħu gravi.
Il-Pulizija qed tfittex raġel ta’ madwar 50 sena biex jassisti fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejin.
//= $special ?>