Illum bdiet it-tieni fażi tal-votazzjoni għall-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif fid-Dar Ċentrali tal-Pietà u fis-Sub Headquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex bdiet il-votazzjoni kmieni, li se jibqa’ għaddej sad-9 tal-lejla.
Mill-fażi preliminari tal-Kunsill Ġenerali, iż-żewġ kandidati li għaddew għall-vot finali tal-Konvenzjoni Ġenerali kienu Adrian Delia u Chris Said – elezzjoni li fiha se jkun magħżul il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Issa f’din il-Konvenzjoni Ġenerali hemm eliġibbli eluf ta’ persuni li ilhom tesserati għal aktar minn sentejn, u b’hekk huma eleġibbli biex jivvutaw għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Sa minn kmieni filgħodu, għall-ħabta tat-8am, kien diġa beda jinħoloq kju twil ta’ nies li marru fid-Dar Ċentrali sabiex jipparteċipaw fil-votazzjoni kmieni. Dan hekk kif għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jivvutaw fid-data stabbilita’ tal-elezzjoni, jiġifieri nhar is-Sibt 16 ta’ Settembru.
Il-proċess għall-ġbir tal-voti jitkompla nhar it-Tnejn, fejn it-tesserati jkunu jistgħu jiġbru l-vot mid-Dar Ċentrali sal-Ħamis 14 ta’ Settembru mid-9am sas-6pm. Jispikka l-interess f’din l-elezzjoni hekk kif sa issa ġabru l-vot aktar minn 9,000 tesserat.
It-tieni u l-aħħar fażi tal-votazzjoni se ssir fis-16 ta’ Settembru waqt il-Konvenzjoni Ġenerali f’Malta, bit-tesserati jistgħu jivvutaw jew fl-MFCC f’Ta’ Qali, jew fuq il-Fosos tal-Floriana, jew inkella fis-sub-headquarters tal-PN fis-Sannat Għawdex.
//= $special ?>