Lokali

L-Arċisqof jgħid li l-prostituzzjoni u d-drogi huma “l-assedji” tal-lum

Ritratt: Kurja

“Filwaqt li aħna bħala poplu Malti għandna nifiriħu u niċċelebraw, għaliex fl-istorja tagħna rnexxielna nirbħu assedji kbar, ma nistgħux ninsew l-assedji li qegħdin iħabbtuna llum, fosthom id-droga u l-prostituzzjoni” – kliem dwar ir-realtà li qed tiffaċċja s-soċjetà llum mill-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna, f’messaġġ li għamel fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Bambina u l-Festa Nazzjonali ta’ Jum il-Vitorja.

L-Arċisqof kompla billi feraħ lill-Pulizija li f’dawn l-aħħar jiem kellhom rebħa oħra kontra d-droga. Semma’ kif id-droga tagħmel lill-bniedem skjav, u qatt ma tista’ tintuża għal skop rikreattiv. Stqarr li hekk kif il-poplu Malti qed jiddiskutti dan is-suġġett, importanti nirrikonoxxu li jekk se nitkellmu fuq rikreazzjoni, it-triq trid tkun dik li tibni l-bniedem u mhux tfarrku.

Dwar il-prostituzzjoni, l-Arċisqof Scicluna qal li rridu wkoll naħsbu f’tant nisa li daħlu fid-dinja tal-prostituzzjoni, li saru skjavi fejn id-dinjità tagħhom qed tonqsilhom.

Dan il-kliem intqal waqt l-omelija fil-quddiesa pontifikali li mexxa fil-Bażilika ta’ Marija Bambina fl-Isla, il-Ħamis filgħaxija u fil-Knisja Arċipretali tan-Naxxar, l-Erbgha filgħaxija – fejn kienu preżenti fost l-għola awtoritajiet ta’ pajjiżna.