Chris Froome sar l-ewwel ċiklist Britanniku li rebaħ it-tour Spanjol magħruf bħala La Vuelta wara li spiċċa f’post komdu fl-aħħar stadju tal-Ħadd f’Madrid. Iċ-ċiklist ta’ Team Sky rebaħ b’distakk ta’ żewġ minuti u 15-il sekonda fuq it-Taljan Vincenzo Nibali, filwaqt li Ilnur Zakarin tar-Russja spiċċa t-tielet 36 sekonda wara Nibali. It-Taljan Matteo Trentin rebaħ l-aħħar stadju li kien ir-raba’ wieħed f’din il-kompetizzjoni.
B’hekk Froome sar it-tielet ċiklist li rebaħ it-Tour de France u La Vuelta fl-istess sena. Froome laħaq lill-leġġendarji Jacques Anquetil u Bernard Hinault li fl-1963 u l-1978 kienu l-uniċi li rebħu ż-żewġ kompetizzjonijiet fl-istess sena, minkejja li dawn it-tnejn kienu rebħu meta t-tiġrija Spanjola kienet issir fir-rebbiegħa u t-tour de France kien isir f’Lulju.
Dan l-istadju fisser ukoll it-tmiem tal-karriera ta’ Alberto Contador li fil-passat rebaħ La Vuelta tliet darbiet. Hu kien ħabbar li se jtemm il-karriera tiegħu u temm l-aħħar parti fost iċ-ċapċip ta’ eluf ta’ partitarji li kienu preżenti.
Matul il-karriera tiegħu, l-Ispanjol rebaħ ukoll darbtejn it-Tour de France u darbtejn il-Giro d’Italia biex b’hekk kien sar wieħed minn sitt ċiklisti li rebaħ l-akbar tliet Tours fiċ-ċikliżmu.
Klassifika Ġenerali
Chris Froome 82:30.02
Vincenzo Nibali + 2minuti 15-il sekonda
Ilnur Zakarin + 2 minuti 51 sekonda
Wilco Kelderman + 3 minuti 15-il sekonda
Alberto Contador + 3 minuti 18-il sekonda
//= $special ?>