Ambjent Lokali

FILMAT: Jisparaw fuq żewġt itjur protetti

Bagħdan Aħmar
Birdlife Malta titlob lill-Prim Ministru biex iwaqqaf dan il-'massakru'

It-total ta’ kaċċa illegali fuq tajr protett tela’ għal sitta minn meta fetaħ l-istaġun tal-kaċċa fil-Ħarifa fl-1 ta’ Settembru li għadda. Dan hekk kif ġew sparati tiri fuq żewġ tjur protetti oħra.

Birdlife Malta qalet li fl-aħħar jumejn saret kaċċa illegali fuq Qerd in-Naħal, li kien irkuprat minn Marsaskala u fuq tajra tal-priża magħrufa bħala Bagħdan Aħmar. Il-Bagħdan Aħmar huwa tajra tal-priża, u nstab minn ċiklist kmieni l-Ħadd filgħodu fit-triq ta’ bejn l-Imġarr u Għajn Tuffieħa.

Fil-jiem li għaddew, kien hemm rapporti oħra ta’ żewġ għasafar protetti li spiċċaw maqtula minħabba kaċċa illegali. Dawn kienu Russett Griż li nġabar mill-Birgu u Kwakka, li nġabret minn Għawdex.

Fi stqarrija Birdlife Malta qalet li fid-dawl tal-aħħar żewġ każijiet ta’ kaċċa illegali, qed tappella lill-Prim Ministru Joseph Muscat, lill-Ministru Josè Herrera u lis-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri biex jintervejnu sabiex iwaqqfu dak li kien deskritt bħala “massakru”.

Birdlife Malta qalet li qed tispera li l-multi għall-kaċċa llegali ma jitnaqqsux, u li jiżdied l-impenn biex l-għasafar tal-passa jkunu protetti fil-ħin kollu li jkunu għaddejin minn fuq Malta biex ipassu.