“Matul din il-ġimgħa kienu ħafna dawk li esprimew il-fiduċja tagħhom fit-triq li fiha qed nipproponu li nieħdu lill-Partit Nazzjonalista: It-triq tat-tiġdid fis-sod mingħajr ma nbiddlu l-identità tal-partit tagħna.”
Qal dan il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said, li spjega li wara żewġ telfiet, il-Partit Nazzjonalista bilfors irid jiġġedded, iżda fis-sid u b’mod għaqli.
“Il-Partit tagħna ma jistax jieħu r-ruħ jekk jagħmel ħames snin jiddefendi allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu”, sostna Chris Said, waqt li qal li ħafna aktar nies qed jifhmu dan.
Fil-kummenti lill-media ntqal li matul din il-ġimgħa, għadd ta’ opinjonisti esprimew il-fiduċja tagħhom fi Chris Said, fosthom is-soċjologu Michael Briguglio, li xebbaħ lil Chris Said mal-għaqal u l-viżjoni tal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, u mhux mal-estremiżmu ta’ Donald Trump.
L-istess għamel l-opinjonista Jonathan Shaw f’artiklu fil-Maltatoday fejn qal li Said għandu l-għaqal, il-bżulija, il-viżjoni u l-istrateġija politika meħtieġa biex jgħaqqad, iġedded u jrebbaħ lill-Partit Nazzjonalista.
Intant, f’sensiela ta’ artikli fil-gazzetti tal-Ħadd, l-Avukat David Griscti identifika lil Said bħala l-aktar għażla sensibbli għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, waqt li qal li Said kapaċi joffri oppożizzjoni b’saħħitha, integra u bbażata fuq il-valuri tal-partit.
Fl-istess kummenti lill-media ntqal ukoll li anke l-editorjal tas-Sunday Times għażel lil Chris Said bħala l-aħjar għażla għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-gazzetta qalet li Said huwa l-aħjar persuna biex fiċ-ċirkostanzi jġib lura s-serenità fil-partit u l-pajjiż, u li jista’, mingħajr telf ta’ żmien, jibda l-ħidma importanti mill-Oppożizzjoni.
Intant, f’intervista ma’ gazzetta tal-Ħadd, Chris Said żvela kif ħafna li kienu qed jappoġġjaw il-kandidatura ta’ Alex Perici Calascione, qed jappoġġjaw il-kandidatura tiegħu. Said qal li dan l-appoġġ jagħtih kuraġġ biex mis-17 ta’ Settembru ‘l quddiem jibda ħidma kbira ħalli l-partit jiġġedded u jsir partit rebbieħ.
“Kull vot jgħodd, ir-responsabbiltà fuq spallejna hi qawwija,” temm jgħid Chris Said.
//= $special ?>