“Mill-Oppożizzjoni rridu nagħmlu pressjoni biex inwasslu l-leħen tal-komunitajiet u l-familji li jridu jgħixu f’pajjiż sigur”.
Qal dan il-kandidat għal Kap tal-PN Adrian Delia meta kien qed jitkellem dwar iż-żieda fil-kriminalità f’numru ta’ lokalitajiet f’Malta, fosthom fis-Swieqi, f’San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Ħamrun u l-Marsa.
F’konferenza tal-aħbarijiet fis-Swieqi, Delia qal li komunitajiet ġodda u kwieti magħżula miż-żgħażagħ biex jibnu l-familji tagħhom qed jispiċċaw mifnija b’kriminalità minn ‘gangs’ li qed jikkawżaw biża’ għar-residenti, u bil-Gvern li jidher li mhu qed jagħmel assolutament xejn, u bil-Pulizija li tarhom iduru fit-toroq biss wara li jkun seħħ xi inċident.
Ma’ NET News, Adrian Delia spjega li dan qed wassal għat-tnaqqir fir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. “Fejn qabel pajjiżna kien jitqies bħala wieħed mill-iktar pajjiżi ‘safe’ fid-dinja, issa qed insiru ‘hub’ għall-kriminalità,” spjega Adrian Delia.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, Delia tkellem ukoll dwar il-Mod Ġdid li qed jipproponi, fejn il-politika ssir għan-nies u minn fost in-nies.
Filwaqt li nnota li l-Mod Ġdid qed idejjaq lil min ma jridx rivoluzzjoni tal-ħsieb u lil min irid jibqa’ jagħmel l-affarijiet b’mod antik, Adrian Delia ħeġġeġ lil kull min jappoġġjah biex jirribatti l-attakki b’messaġġi pożittivi.
“Irridu nieqfu naħsbu li l-ftit jistgħu jikkmandaw kollox jew li jafu aħjar min-nies. Il-politika hija li tifhem xi jridu n-nies ġo djarhom u għal pajjiżhom”, temm jgħid Adrian Delia.
//= $special ?>