Fi tmiem din il-ġimgħa Dr Simon Busuttil itemm il-kariga tiegħu bħala kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan wara li kien ħabbar ir-rizenja tieghu wara l-elezzjoni Generali li għaddiet. Matul iż-żmien li għamel bħala mexxej tal-Partit Nazzjonalista, huwa mexxa oppożizzjoni effettiva immens tant li wasslet biex il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista kellu jmur għall-elezzjoni generali wara erba’ flok wara ħamsa. Simon Busuttil wassal ukoll għal bidliet kbar fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Din il-ġimgħa tiġi fi tmiemha l-ħidma tiegħek ta’ erba’ snin bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Fi ftit kliem, kif tħares lura lejn dawn l-erba’ snin?
Qabel xejn u fuq kollox, kelma ta’ ringrazzjament. Kien ta’ privileġġ għalija li mmexxi l-Partit Nazzjonalista matul l-aħħar erba’ snin u li għalih tajt kull ma kelli, b’ruħi u b’ġisma. L-aħħar erba’ snin kienu snin ta’ sfidi kbar għall-partit li kien għadu kif mar fl-Oppożizzjoni wara kwart ta’ seklu fil-Gvern. Mhux faċli taddatta għar-rwol ta’ Oppożizzjoni wara daqstant snin fil-Gvern, iżda konna Oppożizzjoni effettiva ferm, tant li l-Gvern kellu jmur għal elezzjoni wara erba’ snin biss. Erġajna qajjimna l-partit fuq saqajh, kemm mil-lat finanzjarju, kemm amministrazzjoni, kif ukoll il-media. Iżda l-aktar importanti, għamilna l-partit simbolu ta’ politika serja u onesta.
Jiena kburi li ħallejt partit li fuq il-Fosos tal-Furjana, jumejn qabel l-aħħar elezzjoni, ġibed l-akbar massa ta’ nies li qatt ra l-Partit Nazzjonalista mis-snin tmenin ‘l hawn. Dawk il-folol kienu hemm għax irnexxielna nispirawhom bil-messaġġ tagħna u kebbisna mill-ġdid fihom fjamma u passjoni favur dak li hu sewwa. L-entużjażmu li qajjimna tant kien b’saħħtu li fil-jiem ta’ wara l-elezzjoni daħlu mal-elf tesserat ġdid fil-partit u mal-erba’ mitt volontier ġdid. Dan hu l-partit li jien ħallejt warajja. Issa jeħtieġ li nkomplu dak li bdejna.
Żgur li l-aktar tema ċentrali fuq l-aġenda tiegħek matul dawn l-erba’ snin kien l-emfażi fuq l-onesta’ fil-politika u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Kemm hu importanti li l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista jżomm din l-aġenda?
L-aktar wirt importanti li se nħalli warajja huwa li l-Partit Nazzjonalista sar partit identifikat mal-politika onesta. Dan għamilnih mhux biss għax nemmnu fis-sewwa u fl-integrita fil-politika, ibda minni. Għamilnih għax dan kien ukoll l-aktar punt fejn il-Gvern ta’ Joseph Muscat kien dgħajjef. Kif tista’ ma tagħmilx ġlieda fuq il-korruzzjoni meta tkun ħierġa direttament minn Kastilja? Kif tista’ titkellem fuq suġġetti oħra meta l-aktar nies b’saħħithom fil-pajjiż inqabdu se jbillu subgħajhom? Kien għalhekk naturali, kemm għalija kif ukoll għall-partit, li għamilna dan l-emfażi fuq dawn il-punti ta’ prinċipju. Jekk il-Partit Nazzjonalista jarmi din l-aġenda jitlef ruħu u ħafna nies li emmnu fina u ġrew warajna jiibdew iħossuhom mitlufa u bla partit.
Xi ħaġa innovattiva li daħħalt int bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista kien il-kunċett tal-Konvenzjoni Ġenerali li jilqa’ fih lit-tesserati kollha tal-Partit biex jagħtihom spazju. Xi rwol tara għall-Konvenzjoni Ġenerali fis-snin li ġejjin?
Meta biddilna l-istatut fl-2014 biex daħħalna l-Konvenzjoni Ġenerali għat-tesserati tal-partit għamilnih biex nagħtu spazju lill-membri tal-partit. Iżda tajnhom ukoll sehem kbir fit-tmexxija tal-partit. L-akbar poter li tajnihom bil-Konvenzjoni Ġenerali kien id-dritt li t-tesserati jagħżlu huma stess min għandu jmexxi l-partit. S’issa ftit kienu taw kas jew fehmu x’rivoluzzjoni siekta konna qed inwettqu fil-partit b’din is-sistema ġdida ta’ elezzjoni tat-tmexxija tal-partit. Bil-Konvenzjoni Ġenerali tajna l-partit f’idejn in-nies, il-membri tiegħu, it-tesserati. Sa llum it-tesserat kienu jħossu li huma qegħdin hemm biex iħallsu t-tessera darba fis-sena u daqshekk. Dak inbidel kollu għax illum it-tesserati għandhom l-akbar poter li jista’ jkollok f’partit – il-poter li tagħżel int lil min se jmexxi l-partit u potenzjalment il-pajjiż. B’hekk għaddejna l-poter f’idejn in-nies biex jiddeċiedu huma. Għamilna l-partit tassew Partit tan-Nies, hekk kif jien kont wegħedt jien meta sirt Kap erba’ snin ilu. Din hija r-risposta għal min jgħid illum li l-partit mhux viċin in-nies. Mhux talli huwa viċin in-nies, talli huwa mmexxi minn-nies.

Nhar is-Sibt li ġej, se jivvutaw eluf ta’ persuni biex jagħżlu l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Din hi l-ewwel darba li daqstant nies qed jieħdu sehem f’dan il-proċess importanti, grazzi għall-bidliet li għamilt int fl-istatut. Għalfejn hu importanti li jieħdu sehem il-membri kollha tal-Partit f’dan il-proċess tant delikat?
Li tagħżel int min se jmexxi l-partit tiegħek huwa poter kbir. Mhux ta’ b’xejn li l-elezzjoni ta’ tmexxija ġdida ħolqot interess straordinarju. Għax in-nies ma baqgħux biss spettaturi passivi iżda saru protagonisti huma stess. Proċess ta’ empowerment liema bħalu. Min għandu dan id-dritt tal-vot għandu wkoll l-obbligu li jużah għax jekk ma jmurx jivvota jkun qed iħalli lil ħaddieħor jiddeċiedi għalih. Jiena naf li t-tesserati tal-partit iħobbu wisq il-partit biex iħallu f’idejn ħaddieħor id-deċiżjoni ta’ min se jmexxihom. Iridu jagħżlu huma, aktar u aktar meta għandhom id-dritt li jagħmlu hekk għall-ewwel darba. Għalhekk nemmen li se jkun hemm parteċipazzjoni qawwija f’din l-elezzjoni daqstant importanti għall-partit u nżid ngħid, għall-pajjiż.
Smajna ħafna dwar il-korruzzjoni fl-aħħar erba’ snin. Inbdew investigazzjonijiet mill-Qorti, anke dwar il-Prim Ministru. Pero’ sa issa, l-inkjesta għadhom ma ntemmewx. Kemm int fiduċjuż li jintemmu fi żmien qasir?
Li jkollok Prim Ministru ta’ pajjiż, ic-Chief of Staff tiegħu u l-aktar Ministru viċin tiegħu taħt investigazzjoni kriminali hija minnha nnifisha xi ħaġa straordinarja. Hija kwistjoni ta’ interess pubbliku u ta’ urġenza kbira. Għalhekk huwa importanti li dawn l-inkjesta jaslu għal konkluzjoni kemm jista jkun malajr. Hemm poplu sħiħ jistenna biex ikun jaf hux immexxi minn nies serji jew nies bla skrupli. U jixraq li l-poplu jingħata risposta bla aktar dewmien. Il-ġustizzja ma tkunx qed titwettaq jekk iddum wisq biex titwettaq. Aktar u aktar f’sitwazzjoni straordinarja bħal din. Jiena għandi fiduċja li t-tliet maġistrati li qed imexxu t-tliet inkjesti jafu sew kemm huwa importanti li jaslu għall-konklużjoni tagħhom kemm jista jkun malajr.
Żgur li meta l-poplu Malti u Għawdxi jħares lejk iħares lejn politiku ta’ integrità liema bħalha. Kemm temmen fl-importanza tal-integrità fil-politika? Għadha daqshekk importanti?
Iva għadha importanti, għax dak li hu sewwa ma jitlef qatt l-importanza. Ngħid għalija, l-integrita’ kienet dejjem valur ċentrali mhux biss fil-ħajja pubblika tiegħi iżda anki fil-ħajja personali tiegħi. Għax dak li tgħid trid tgħixu u mhux tgħid mod u tgħix bil-maqlub ta’ dak li tippriedka. U kien għalhekk li jiena mexxejt il-partit fuq il-prinċipji li nemmen fihom – il-politika onesta’. Hawn min jgħid li bl-onesta’ ma tirbaħx. Dan huwa argument żbaljat. Il-Partit Nazzjonalista ma tilifx l-elezzjoni għax insista fuq is-serjeta’. Jekk xejn, evitajna telfa saħansitra akbar proprju għax insistejna fuq l-integrita’. Ejja ma ninsewx li kull Gvern iżid il-voti wara l-ewwel mandat tiegħu, aħseb u ara Gvern li jxtara eluf ta’ voti bl-addoċċ.
Il-ġimgħa li għaddiet iltqajt ma’ persuna li qaltli “Simon Busuttil leali”, u jien staqsejta: “leali lejn min? lejn xiex?”. Din il-persuna qaltli: “leali lejn il-valuri”. Dak il-ħin bħal donnu qgħadt kwiet, iżda meta bdejt naħseb, irrealizzajt kemm dak li qalet hu minnu mill-bidu sal-aħħar. Xi jfissru għalik il-lealtà u l-valuri li trabbejt fihom?
Il-lealta’ huwa valur importanti fil-ħajja personali tagħna u m’hemmx bżonn tkun fil-politika biex tkun taf kemm hu valur importanti. Kull minn jgħaddi minn esperjenza fejn xi ħadd ikun sleali lejh, jaf xi jfisser il-valur tal-lealta’. Daqstant ieħor, kull min hu fil-politika għandu jkollu lealta’ lejn pajjiżna, lejn il-partit u lejn in-nies li jirrapreżenta. Kien appuntu għax nemmen fil-lealta’ li jiena ċedejt posti fil-Parlament Ewropew erba’ snin ilu biex ġjet nagħti servizz lill-partit meta kellu bżonnu. U kien ukoll għax nemmen fil-lealta’ li issa, ċedejt posti bħala Kap tal-partit minkejja li l-partitarji tagħna riduni nibqa’. Għax għalija, il-lealta’, l-irġulija u s-serjeta’ jiġu qabel is-siġġu tal-poter.

Il-ħidma tiegħek fil-Partit Nazzjonalista u fil-Parlament mhix se tieqaf hawn. Kif diġà ħabbart, int se tibqa’ Membru Parlamentari u se tibqa’ tkun il-vuċi ta’ dawk li eleġġewk fil-Parlament. X’se jkunu t-temi li se tiffoka l-ħidma Parlamentari tiegħek fuqhom?
Fl-aħħar elezzjoni, aktar minn għoxrin elf votant tawni l-fiduċja tagħhom fuq żewġ distretti. Ta’ dan jiena grat u se nagħtihom vuċi fil-Parlament. Bħalissa ħafna nies iħossuhom diżillużi mill-politika, iħossuhom bla vuċi, jekk mhux ukoll mitlufa. Jiena se nkun hemm għalihom biex nurihom li hemm xi ħadd jitkellem għalihom. Dan ifisser li se nibqa’ nistinka favur l-onesta’ fil-politika u se nibqa’ niġġieled il-korruzzjoni. Se nibqa’ wkoll niġġieled favur mentalita’ aktar Ewropea, jiġifieri favur standards għolja, favur opportunitajiet għal kulħadd u favur kwalita’ ta’ ħajja aħjar għal kull min jgħix f’dan il-pajjiż sabiħ tagħna.
//= $special ?>