Il-kickboxer Malti Keith Azzopardi kiseb titlu Ewropew wara li rebaħ iċ-ċinturin lightweight tal-World Kickboxing Network f’isem Malta s-Sibt filgħaxija f’avveniment fi Franza.
Iċ-champion Malti ta’ 24 sena, is-Sibt iġġieled bout tal-K1 fil-kategorija Lightweight, b’ħames rawnds ta’ tliet minuti kull waħda. Fit-taqtigħa għat-titlu, hu ġġieled lill-avversarju Franċiż Mathias Branchu.
Kienet ġlieda missielta ħafna, imma permezz ta’ daqqiet bil-ponn u s-sieq, Azzopardi rnexxielu jolqot lill-avversarju f’rasu u fin-naħa ta’ fuq ta’ ġismu b’mod ċar u preċiż. Il-qlubija ta’ Azzopardi kienet innutata u mfaħħra mill-uffiċjali tal-WKN u minn rappreżentanti magħrufa.
Azzopardi jitħarreġ fil-klabb Ying Yang – Team Noel ma’ Master Noel Mercieca. Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Mercieca qal li mhux faċli li wieħed jirbaħ fi Franza; pajjiż li minnu joħorġu kickboxers ta’ fama mondjali.
Fil-fatt Malta, permezz ta’ Azzopardi, kienet l-uniku pajjiż barrani li rebaħ fi Franza, bl-atleti mil-Litwanja, il-Belġju, l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Repubblika Ċeka u oħrajn li tilfu l-ġlidiet tagħhom.
B’kollox Azzopardi issa rebaħ 30 ġlieda, bl-aħħar waħda tkun dik li ttellgħet f’Lulju waqt il-Gladiators Fight Night f’Ħal Far, fejn rebaħ fuq avversarju ta’ livell għoli mir-Rumanija. Azzopardi hu wkoll l-ewwel kickboxer Malti li ġġieled u rebaħ fl-Awstralja.
Sadanittant fl-avveniment tal-bieraħ, irrappreżenta lil Malta wkoll il-kickboxer Shaun Falzon, li iżda ma rebaħx il-bout tal-K1 fil-kategorija tas-77 kilogramma kontra l-avversarju Franċiż Karim Benmansour.
Għal dawk li jixtiequ aktar informazzjoni dwar it-taħriġ offrut mill-klabb Team Noel – Ying Yang jista’ jagħmel kuntatt mal-Master Noel Mercieca fuq 79208283, jew iżur is-sit elettroniku www.kickboxing.com.mt jew il-paġna ta’ Facebook Team Noel – Kickboxing Malta.
//= $special ?>