L-istorja ppubblikata f’Awwissu li għadda minn NET News, li l-ġurnalist tat-TVM Owen Galea kien sejjer imexxi l-kamra tal-aħbarijet tal-Partit Laburista, ġiet ikkonfermata. Dan hekk kif fl-aħħar sigħat ġew imħabbra numru ta’ tibdiliet fil-Partit Laburista u l-kamra tal-aħbarijiet ONE.
Xogħol Owen Galea mat-TVM kien li jtella’ l-istejjer fuq il-website tal-aħbarijiet, u tal-pożizzjoni tiegħu bħala Junior Manager kien jitħallas kważi €40,000 fis-sena. Issa, Galea se jkun qed jieħu post il-Kap tal-Aħbarijiet tal-ONE Aleander Balzan.
Aleander Balzan, min-naħa tiegħu, ingħata pożizzjoni għolja fil-Partit Laburista bħala Uffiċjal tal-Komunikazzjoni L-Uffiċju tal-Komunikazzjoni għandu responsabbiltà kbira f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-propoganda tal-Partit Laburista. Aleander Balzan se jkun qed jieħu post Nigel Vella.
NET News infurmat li Nigel Vella ingħata pożizzjoni mal-Gvern, biex b’hekk se jkollu kuntatt akbar ma’ sħabu Glenn Bedingfield u Kurt Farrugia li jaħdmu fl-Uffiċju tal-Prim Ministru.
Sadanittant, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Gino Cauchi ġie appuntat Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir. Postu fil-Partit Laburista se jimtela’ minn Randolph Debattista, li sa ftit ilu kellu job fi Brussell f’Dar Malta b’paga ta’ madwar €60,000 fis-sena.
Owen Galea: Minn xogħol fuq il-website tat-TVM, għal Kap tal-Aħbarijiet tal-ONE
Aleander Balzan: Minn Kap tal-Aħbarijiet tal-ONE għal impjieg fl-Uffiċju tal-Komunikazzjoni tal-PL
Nigel Vella (xellug): Mill-Uffiċju Komunikazzjoni tal-Labour, għal pożizzjoni mal-Gvern
Gino Cauchi: Minn Kap Eżekuttiv tal-PL għal Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir
Randolph Debattista (lemin): Minn job fi Brussell għal Kap Eżekuttiv tal-PL flok Gino Cauchi
//= $special ?>